Is-Safa: It-Tnax-il Frott tal-Ispirtu

San Ġrolmu jagħlaq il-lista tiegħu tal-frott tal-Ispirtu bil-frott tas-safa li, kif fissirna fir-riflessjonijiet li għaddew, huwa intimament marbut mal-frott tar-rażan u l-modestja. Forsi d-differenza hi li, filwaqt li l-oħrajn huma termini wiesgħa li jinkludu diversi aspetti tal-ħajja umana, dan il-frott tas-safa jew kastità huwa speċifikament marbut mal-ġibdiet sesswali.

U hawn jiġi l-bużillis għax għandna ħabta kif awtomatikament naqgħu f’li nelenkaw il-lista ta’ dnubiet u projbizzjonijiet ta’ natura sesswali, u ma’ dan jiġi t-tgergir dwar kemm il-Knisja għadha moħħha magħluq u li għandha taġġorna mal-ispirtu taż-żmien. Ħafna drabi l-problema hawn qiegħda fl-estremi bejn li fejn jidħol is-sess kollox hu dnub u, mill-banda l-oħra, kulma hu marbut mas-sess ma jitfaċċa qatt fl-eżami tal-kuxjenza.

Għalkemm kulħadd hu msejjaħ biex jgħix is-safa, mhux kulħadd hu msejjaħ jgħixha bl-istess mod. Hemm differenza bejn il-kastità tal-miżżewġin u tal-għarajjes, tas-saċerdoti u tar-reliġjużi. F’dan il-kuntest, naħseb li jkun iktar għaqli u ta’ kuraġġ għal min isib ruħu jitħabat ma’ dan l-aspett tal-ħajja tiegħu li nitilqu minn dak li jgħallem il-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika f’dan ir-rigward:

Il-kastità tfisser l-integrazzjoni pożittiva tas-sesswalità fil-persuna umana biex hekk ikun hemm għaqda sħiħa bejn ir-ruħ u l-ġisem fil-bniedem innifsu … Persuna li tħares il-kastità żżomm sħaħ il-qawwiet ta’ ħajja u ta’ mħabba li jinsabu fiha. Din l-integrità tiżgura l-għaqda fiha nnifisha tal-persuna u tmur kontra kull imġiba li tista’ tidrobha. La tammetti ħajja ta’ wiċċ b’ieħor, u lanqas diskors li jinbidel skont ir-riħ (ara Mt 5,37).

Katekiżmu tal-Knisja Kattolika, par. 2337-2338

Għaldaqstant, filwaqt li jisħaq li s-safa mhuwiex biss ir-responsabbiltà tal-individwu imma wkoll jitfa’ piż fuq il-kultura għaliex dawn it-tnejn jibnu lil xulxin, il-Katekiżmu jkompli billi jieħu in kosiderazzjoni l-maturità tal-persuna:

Il-kastità għandha l-liġi tal-iżvilupp tagħha, progress li jseħħ pass pass, b’mumenti ta’ nuqqas ta’ perfezzjoni u xi drabi wkoll, forsi ta’ spiss, b’mumenti ta’ dnub. Il-bniedem “jinbena fil-virtù u s-safa minn jum għall-ieħor bil-ħafna għażliet ħielsa li jagħmel. Għalhekk hu jagħraf, iħobb u jagħmel il-ġid morali huwa u jikber” (San Ġwanni Pawlu II, Eżortazzjoni Appostolika Familiaris Consortio (1981), 34).

Katekiżmu tal-Knisja Kattolika, par. 2343

Biex nikkonkludi, tajjeb li s-safa ma nħarsux lejha bħala l-frotta pprojbita tal-ġnien tal-Għeden—kif josserva l-filosfu Fabric Hadjadj, kieku Adam u Eva qagħdu jedhew b’xulxin, ma kienx ikollhom ċans jagħtu widen għat-tfesfis tas-serp—imma jeħtieġ li nħarsu lejha bħala l-frott li jagħmilna għejun ta’ ħajja—għal uħud ħajja bijoloġika u għal oħrajn ħajja spiritwali. Mhux ta’ b’xejn li fid-diskors tal-muntanja, Ġesù jsejjaħ imberkin lil dawk li huma safja f’qalbhom għax huma jaraw ’l Alla, għax sesswalità integrata tagħmilna kapaċi nħarsu lejn il-bnedmin l-oħra bħala persuni u mhux bħala oġġetti.