Il-Ġublew tal-2025 u d-Dokumenti ta’ Vatikan II

Hekk kif qegħdin inħejju ruħna għaċ-ċelebrazzjoni tal-Ġublew Ordinarju tas-sena 2025, il-Papa Franġisku stieden lill-Poplu ta’ Alla sabiex jerġa’ jiskopri mill-ġdid id-dokumenti ewlenin tal-Konċilju Vatikan II, jiġifieri l-Kostituzzjonijiet Sacrosanctum Concilium, Dei Verbum, Lumen Gentium, u Gaudium at Spes. Minkejja li issa għaddew sittin sena mill-ftuħ ta’ dan il-Konċilju, il-ħarsa ’l quddiem li firxu jagħmilhom mill-iżjed relevanti u attwali minkejja li d-dinja, is-soċjetà, u l-kultura nbiddlu b’mod radikali, u anke l-Knisja kellha taffaċja diversi sfidi u kriżijiet li mhux dejjem ħallew jidher fiha dak li San Pawl jiddeskrivi: “sabiħa, bla tebgħa, bla tikmix, bla għajb, u b’xejn minn dan” (Ef 5, 27).

Imma forsi t-tikmix u t-tbajja’ jġibu magħhom il-grazzja tal-maturità. U għalhekk, il-Knisja li tħares lura lejn dawn id-dokumenti mhijiex sempliċiment mara xiħa li qed tqalleb id-djarji ta’ xbubitha, imma hija l-ħarsa tal-Omm u l-Għalliema li għad għandha x’toffri għax ma weħlitx imma mxiet ’il quddiem qalb toroq imserrpa li mmaturawha hekk li l-ideali ta’ żgħorita ħadu forma konkreta u għadhom imexxu l-għażla ewlenija tal-imħabba tagħha lejn l-Għarus tagħha.

L-ewwel dokument li ħareġ il-Konċilju kien proprju l-Kostituzzjoni dwar il-Liturġija Sacrosanctum Concilium. Il-ħtieġa ta’ riforma u ħajja ġdida fejn tidħol il-liturġija kien ilu jinħass, u anke kienu saru ħafna esperimenti, riċerki u studji li wittew it-triq għal din ir-riforma—ewlenija fosthom tkun ir-riforma tal-Liturġija tal-Ġimgħa Mqaddsa ppromulgata fl-1955 mill-Papa Piju XII.

Imma l-Konċilju ħeġġeġ għal riforma iktar kompluta, mhux immotivata sempliċiment minn spirtu ta’ tibdil bħala għan fih innifsu imma sabiex “ikattar dejjem iżjed il-ħajja nisranija fost il-fidili, jadatta aħjar għall-ħtiġijiet ta’ żminijietna l-istituzzjonijiet li jistgħu jitbiddlu, jgħin dak kollu li jista’ jkun ta’ siwi għall-għaqda fost dawk kollha li jemmnu fi Kristu, u jsaħħaħ dak kollu li jgħin biex isejjaħ lil kulħadd fi ħdan il-Knisja” (par. 1). U, għax il-liturġija hija l-quċċata u l-għajn tal-ħajja tal-Knisja, kienet għażla naturali li l-ħidma tal-Konċilju titlaq proprju minn dan id-dmir “li jieħu ħsieb b’mod speċjali li jagħti ħajja ġdida u jġib ’il quddiem il-liturġija” (par. 1), u konsegwentement iġedded il-ħajja tal-Poplu ta’ Alla kollu.

Peress li kien l-ewwel wieħed li ġie ppromulgat, Sacrosanctum Concilium huwa differenti mid-dokumenti l-oħra fejn jidħol stil u format. Għalkemm jiżviluppa ħsieb teoloġiku profond, hu magħmul ukoll minn sensiela ta’ leġislazzjonijiet, punti mill-iktar prattiċi u konkreti, u indikazzjonijiet ta’ kif ir-riforma fil-Liturġija kien jeħtieġ li ssir. Fl-erba’ ġimgħat li ġejjin se nkomplu nesploraw aspetti differenti li joħorġu minn dan id-dokument.