In-Natura tal-Liturġija u s-Siwi tagħha fil-Ħajja tal-Knisja

Wara li jiġu introdotti l-intenzjonijiet tal-Konċilju Vatikan II fejn tidħol il-Liturġija Mqaddsa, il-Kostituzzjoni Sacrosanctum Concilium tiftaħ billi tagħmel ċar mill-bidu li, biex il-Liturġija tassew tinġieb ’il quddiem u tiġi rriformata, dan kellu jseħħ fid-dawl tat-tradizzjoni ġenwina tal-Knisja u wkoll fid-dawl taċ-ċirkostanzi u l-ħtiġijiet kontemporanji. Għaldaqstant, kien meħtieġ li jiġu elenkati u mħarsa numru ta’ prinċipji li fuqhom trid timxi r-riforma u li wasslu sabiex jiġu stabbiliti normi prattiċi.

Bħala l-ewwel prinċipju, id-dokument jitlaq billi jirrifletti dwar in-natura tal-Liturġija u s-siwi tagħha fil-ħajja tal-Knisja. Il-punt tat-tluq huwa r-raġuni proprja għalfejn il-liturġija tiġi ċċelebrata: it-tiġdid tal-misteru tal-fidwa fuq il-kmand ta’ Kristu fl-aħħar ċena, jiġifieri li nibqgħu nwettqu l-għemil tal-fidwa bħala tifkira tiegħu (ara 1 Kor 11, 24-25) li m’għandhiex il-funzjoni sempliċiment memorjali, imma proprju li tfakkar billi ġġib preżenti u effikaċi din l-istess fidwa llum.

Din mhijiex perpetwazzjoni fiergħa imma hija fid-direzzjoni ta’ dak li jikteb San Pawl fl-Ewwel Ittra lill-Korintin meta jitkellem dwar l-Ewkaristija: “Mela kull meta tieklu dan il-ħobż u tixorbu dan il-kalċi, intom ixxandru l-mewt tal-Mulej sa ma jiġi” (1 Kor 11, 26).

Għalhekk, bħalma Kristu ntbagħat mill-Missier, hekk ukoll huwa bagħat lill-appostli mimlijin bl-Ispirtu s-Santu mhux biss biex waqt li jxandru l-evanġelju lill-ħolqien kollu (ara Mk 16, 15) iħabbru li l-Iben ta’ Alla bil-mewt u l-qawmien tiegħu ħelisna mis-setgħa tax-xitan (ara Atti 26, 18) u mill-mewt u daħħalna fis-saltna tal-Missier, iżda wkoll biex din l-opra tal-fidwa li ħabbru jwettquha bis-sagrifiċċju u s-sagramenti li madwarhom tinbena l-ħajja liturġika kollha.

Sacrosanctum Concilium, par. 6

Din il-kontinwità tas-sagramenti hija possibbli proprju għax Kristu hu dejjem mal-Knisja tiegħu, b’mod speċjali fil-liturġija. Hawn, f’paragrafu 7, il-Missirijiet tal-Konċilju jelenkaw ħames modi ta’ kif din il-preżenza kontinwa ta’ Kristu sseħħ:

  • permezz tal-ministru li waqt il-liturġija jaġixxi mhux fil-kapaċità tiegħu personali imma fil-persuna ta’ Kristu—in persona Christi—li offra lilu nnifsu fuq is-salib;
  • taħt ix-xbihat Ewkaristiċi li permezz tagħhom nittrejqu aħna u nterrqu lejn Ġerusalemm tas-sema;
  • “bil-qawwa tiegħu fis-sagramenti, b’mod li meta wieħed jgħammed huwa Kristu nnifsu li jgħammed” għax is-saċerdozju tal-qassisin tal-patt il-ġdid mhuwiex wieħed ereditarju jew awtonomu imma huwa sehem mis-saċerdozju waħdieni ta’ Kristu li hu jagħti sabiex il-qawwa tiegħu tkun tista’ tibqa’ titwassal lill-poplu;
  • permezz tat-tħabbir tal-Kelma tiegħu hekk li, meta jinqraw siltiet mill-Bibbja waqt iċ-ċelebrazzjonijiet liturġiċi, ikun Kristu nnifsu li jitkellem, hekk li l-vuċi ta’ min ikun qed jaqra ssir il-mezz sabiex jasal għand il-Knisja l-leħen tal-Maħbub tagħha;
  • permezz tal-Knisja stess li tinġabar biex titlob u tqim lil Alla, skont ma wiegħed Ġesù li “fejn tnejn jew tlieta jkunu miġbura f’ismi hemm inkun jien f’nofshom” (Mt 18,20).

Għaldaqstant, fil-liturġija jsir possibbli li l-Poplu ta’ Alla kollu jitqaddes u jissieħeb ma’ Kristu filwaqt li jrodd ħajr lil Alla permezz ta’ Kristu.