Il-kollox hu aqwa mill-parti

Fid-dinja li qegħdin ngħixu fiha, inħossu tensjoni bejn il-globalizzazzjoni u dak li hu lokali. Dak li hu globali għandu r-riskju li jitlifna, filwaqt li dak lokali għandu ħabta jagħlaqna fil-medjokrità li ġġib magħha l-ħajja ta’ kuljum u f’ħarsien ta’ tradizzjonijiet bħala għan fih innifsu. Fl-istess ħin, huwa l-kolali, il-konkret, li jżommilna saqajna mal-art.

F’Evangelii Gaudium, il-Papa Franġisku jipproponi prinċipju li l-kollox hu wisq iktar mill-parti. L-iskop mhuwiex li jinjora l-partijiet iżgħar u lanqas li naslu għal ġabra tal-partijiet flimkien, imma:

Jeħtieġ dejjem inwessgħu ħarsitna biex nagħrfu ġid wisq akbar li jkun ta’ benefiċċju għalina lkoll.  Imma dan jeħtieġ nagħmluh bla ma naħarbu, bla ma ninqatgħu mill-għeruq tagħna.  Hemm bżonn inniżżlu għeruqna sew fl-art fertili u fl-istorja tal-post fejn ngħixu, li hu don ta’ Alla.  Għandna naħdmu fiċ-ċokon, f’dak li hu qrib tagħna, imma dejjem bi prospettiva wisq usa’. 

Evangelii Gaudium, Par. 235

Jidher biċ-ċar li dan mhuwiex il-mudell ta’ globalizzazzjoni li tippromwovi l-kultura ta’ żmienna u li kważi kważi xxejjen lill-bniedem. Fil-fatt jitkellem dwar dawk il-persuni li jagħmlu l-għażla li jgħożżu dak li hu partikulari tagħhom u ma jaħbux l-identità tagħhom imma fl-istess waqt jintegraw ruħhom b’mod tajjeb fil-komunità bi qliegħ kbir kemm għalihom u kemm għall-komunità.

Għal dan il-għan, flok dak tal-globu, il-Papa jipproponi l-mudell tal-priżma “li tirrifletti l-għaqda flimkien tal-partijiet kollha li fiha jżommu xorta l-oriġinalità tagħhom.” U dan għaliex:

Kemm l-azzjoni pastorali u kemm dik politika jfittxu li f’din il-priżma jiġbru l-aħjar ta’ kull wieħed u waħda.  Hemm fiha l-foqra, bil-kultura tagħhom, il-proġetti tagħhom u l-pontenzjalitajiet tagħhom.  Saħansitra l-persuni li jistgħu jiġu kkritikati għall-iżbalji tagħhom għandhom xi ħaġa x’jagħtu li m’għandhiex tintilef.  Hi l-għaqda bejn il-popli, li, fl-ordni universali, iżommu l-karatteristiċi partikulari tagħhom; hi t-totalità tal-persuni f’soċjetà li tfittex ġid komuni li tassew jiġbor fih lil kulħadd f’ġisem wieħed.

Evangelii Gaudium, Par 236

 Ieqaf u aħseb

  • Inħares lejn il-komunità minn din il-perspettiva tal-Evanġelju li hu ħmira li ttella’ l-għaġna kollha u belt li tiddi fuq l-għoli tal-muntanja u ddawwal il-ġnus kollha?
  • Hemm fija l-għatx li, filwaqt li ma niċħadtx dak li hu tal-Evanġelju, infittex li mhux neħel miegħi nnifsi imma naħdem sabiex kulħadd tassew ikun jista’ jinġabar madwar il-mejda tas-Saltna?