Ir-Rit tad-Dħul tal-Adulti fil-Ħajja Nisranija

Ir-Rit tad-Dħul tal-Adulti fil-Ħajja Nisranija, magħruf ukoll bħala Ordo Initiationis Christianae Adultorum, ġie żviluppat mill-Knisja Kattolika Rumana sabiex jakkumpanja permezz tal-katekumenat  lill-adulti li jixtiequ jissieħbu fil-fidi Kattolika Rumana.  Ippubblikat fl-1972, dan il-programm jinvolvi numru ta’ riti li jwasslu għas-sagramenti ta’ inizjazzjoni (magħmudija, Griżma tal-Isqof u Ewkaristija), akkumpanjati minn formazzjoni fil-fidi.  Dan il-programm hu bbażat fuq il-katekumenat antik fil-Knisja bikrija, filwaqt li fl-istess ħin hu adattat għall-kuntest kontemporanju.

Il-programm, bl-Ingliż magħruf ukoll fil-qosor bħala RCIA, huwa proċess gradwali f’erba’ stadji li jakkumpanja lill-kandidat matul il-perjodu li jista’ jtul anke numru ta’ snin. Dak li huwa tassew importanti dwar il-programm huwa li jkun imfassal għall-individwu sabiex jirċievi l-formazzjoni xierqa fir-rigward tal-istadju tiegħu. Fuq kollox, huwa wkoll programm li mhux limitat għall-kandidat biss iżda jinvolvi lill-persuni li jakkumpanjawhom fil-formazzjoni spiritwali tagħhom, inklużi l-parrini.

Fil-każ ta’ dawk mhux mgħammdin, il-vjaġġ tal-programm jikkonsisti f’erba’ stadji formattivi ewlenin. L-ewwel stadju huwa dak tal-pre-katekumenat, il-perjodu ta’ tfittxija, fejn il-kandidat prospettiv ifittex li jkun jaf aktar dwar il-fidi. Dan jiġi segwit mir-rit tad-dħul fl-ordni tal-katekumeni. Il-perjodu tal-katekumenat huwa kkaratterizzat minn perjodu ta’ formazzjoni intensa fid-diversi aspetti tal-fidi. Fl-Ewwel Ħadd tar-Randan isir ir-Rit tal-Elezzjoni, li jwassal għal perjodu ta’ purifikazzjoni u tisfija. Matul iż-żmien tar-Randan, jiġu ċċelebrati numru ta’ riti oħra bħala tħejjija għas-sagramenti tal-inizjazzjoni li normalment jiġu ċċelebrati fil-Velja tal-Għid. Dan isegwi l-aħħar stadju, imsejjaħ il-perjodu mistagoġiku, li hu vjaġġ ta’ fidi fi ħdan il-komunità sabiex in-Nisrani ġdid jikber u jiffjorixxi fil-fidi.

Matul dan l-istaġun tar-Randan, se nkunu qed niffukaw u nirriflettu fuq kull wieħed mill-erba’ perjodi tal-RCIA, flimkien mas-sinifikat tar-riti involuti. L-għarfien tas-sinifikat tar-riti jservi biex jenfasizza l-importanza li wieħed jifhem il-bidu tal-fidi Kattolika bħala vjaġġ li ma jiqafx meta wieħed jibda fil-fidi Kattolika Rumana, iżda jkompli flimkien mal-komunità. Barra minn hekk, jgħinna, anke bħala Nsara, napprezzaw ir-rikkezza u s-sinifikat tal-liturġija fil-mixja tagħna bħala Nsara.