Il-Liturġija: il-Quċċata u l-Għajn tal-ħajja tal-Knisja

Huwa hu jiddeskrivi n-natura tal-Liturġija u s-siwi tagħha fil-ħajja tal-Knisja, Sacrosanctum Concilium iwessa’ l-perspettiva tagħna u jimmira l-ħarsa tagħna lil hinn mill-orizzont tat-tifsir tal-ħajja tagħna li tendenzjalment ma jkunx wisq ’il barra mill-ponta ta’ mneħirna. Dan jagħmlu l-ewwel nett billi jfakkar li l-azzjonijiet liturġiċi li niċċelebraw f’postijiet partikolari u f’ħinijiet speċifiċi mhumiex limitata miż-żmien u l-ispazju għax:

Fil-liturġija tal-art nieħdu sehem billi ntiegħmu minn qabel il-liturġija tas-sema li hija ċċelebrata fil-belt il-qaddisa ta’ Ġerusalemm li lejha aħna resqin bħala pellegrini, fejn Kristu qiegħed fuq il-lemin ta’ Alla bħala ministru tas-smewwiet u tat-tabernaklu veru (ara Apok 21, 2; Kol 3, 1; Lhud 8, 2).

Sacrosanctum Concilium, par. 8

Għaldaqstant, permezz tal-liturġija aħna ngħixu f’din it-tensjoni bejn li nintrefgħu ’l fuq lejn Alla u fl-istess waqt nibqgħu nimxu b’saqajna mal-art fl-istennija tal-mument li fih jidher Kristu u nissieħbu max-xirka tal-qaddisin, jiġifieri ta’ dawk li mxew it-triq qabilna u waslu sat-tmiem tiegħu. Permezz tal-liturġija ngħixu wkoll it-tensjoni l-oħra bejn li nduqu mill-manna tas-sema u fl-istess ħin ma niqfux inkunu Nsara malli noħorġu minn bejn l-erba’ ħitan tal-knisja, imma jeħtieġ li noħorġu u naqsmu l-aħbar tas-salvazzjoni ma’ dawk kollha li niltaqgħu magħhom għax permezz “tal-għemejjel kollha ta’ karità, ta’ tjieba u ta’ appostolat,” filwaqt li jidher ċar li “l-Insara mhumiex ta’ din id-dinja … b’danakollu huma d-dawl tad-dinja u jagħtu glorja lill-Missier quddiem il-bnedmin” (par. 9).

Huwa f’dan il-kuntest li Sacrosanctum Concilium jitkellem dwar il-liturġija bħala “l-quċċata li lejha timxi l-ħidma tal-Knisja u fl-istess waqt l-għajn li minnha ġejja kull qawwa tagħha” (par. 10). Il-liturġija hija l-quċċata għax għandha kemm min-natura tal-għolja tal-Kalvarju fejn twettqet il-fidwa tagħna, u wkoll għandha min-natura tal-Għolja taż-Żebbuġ minn fejn il-Mulej tela’ s-sema għax permezz tagħha nitwaħħdu mal-misteru ta’ Kristu. Imma din l-esperjenza tal-għaqda intima mal-Mulej Irxoxt u bil-pjagi, sabiex tkun ħajja Nisranija ta’ veru, jeħtieġ li tfur ’il barra bħal għajn li tibqa’ tnixxi fil-qalb tagħna u tfur ’il barra fid-diversi ħidmiet li aħna nwettqu sakemm, il-Ħadd ta’ wara, nerġgħu ninġabru biex mill-ġdid nieħdu sehem fis-sagrifiċċju tal-fidwa tagħna.