Il-Poplu ta’ Alla, Poplu Messjaniku
Fl-aħħar artiklu tagħna rajna kif Lumen Gentium jiftaħ bl-affermazzjoni li l-Knisja, bħala l-poplu sħiħ ta’ Alla—rgħajja u fidili flimkien—jeżisti ‘għad-dinja kollha’ u emfasizza l-irwol tal-Knisja li “ddawwal il-bnedmin kollha bid-dija ta’ Kristu” (par. 1).
Wara l-ewwel kapitlu fuq il-Misteru tal-Knisja, li wera l-oriġini divina tal-Knisja fit-Trinità u l-importanza tal-Inkarnazzjoni, it-tieni kapitlu jfittex li, l-ewwel nett, jispjega dak li l-membri kollha tal-Poplu ta’ Alla għandhom komuni fuq il-livell tad-dinjità tal-eżistenza Nisranija, qabel kull distinzjoni msejsa fuq uffiċċji jew stati, u, it-tieni, li juri li l-komunità Nisranija, fl-essenza tagħha, għandha ‘rwol messjaniku’.
Inkunu “Sagrifiċċju Ħaj”
B’mod mill-iktar konċiż, Lumen Gentium jirrikonoxxi li l-imgħammdin kollha għandhom sehem fit-tliet ħidmiet ta’ Kristu bħala Qassis, Profeta u Sultan, u, għaldaqstant, għandhom l-istess dinjità komuni:
Dawk li huma mgħammdin, bit-twelid mill-ġdid u l-unzjoni tal-Ispirtu s-Santu huma kkonsagrati biex ikunu tempju spiritwali u saċerdozju qaddis, joffru sagrifiċċji spiritwali permezz tal-ħidma kollha tal-bniedem nisrani, u jħabbru l-qawwa ta’ Dak li sejħilhom mid-dlam għad-dawl tiegħu tal-għaġeb (ara 1 Pt 2,4-10). Għalhekk id-dixxipli kollha ta’ Kristu, waqt li jżommu sħiħ fit-talb u jfaħħru lil Alla (Atti 2,42-47), joffru lilhom infushom b’sagrifiċċju ħaj, qaddis, jogħġob lil Alla (ara Rum 12,1), jagħtu xhieda ta’ Kristu kullimkien u lil kull min jitlobhom tifsira tat-tama li għandhom fil-ħajja ta’ dejjem (ara 1 Pt 3,15).
Lumen Gentium, par. 10
Kull wieħed u waħda minna, id-dixxipli kollha, ningħataw il-missjoni komuni li noffru lilna nfusna b’sagrifiċċju ħaj u li nagħtu xhieda għal Kristu billi nagħtu tweġiba lil dawk li qegħdin ifittxu. Fi ftit kliem, kemm il-ministri ordnati u kif ukoll “il-fidili, bis-saċerdozju rjali tagħhom,” aħna lkoll imsejħin nwasslu l-wiċċ ta’ Kristu permezz tal-azzjonijiet tagħna u l-imħabba li nuru, u wkoll permezz tal-kliem u l-intenzjonijiet F’ċertu sens, aħna m’aħniex imsejħin biss biex nikbru fl-imħabba, imma wkoll biex nikbru fil-virtù intellettwali għax inkunu kapaċi niddefendu l-fidi tagħna anke b’mod razzjonali. Dan jimmira għal evanġelizzazzjoni iktar ħolistika.
“Poplu Messjaniku”
Lumen Gentium jippreżenta l-Poplu ta’ Alla wkoll bħala “poplu messjaniku.” Dan ifisser li kull wieħed u waħda minna, bħala Knisja, aħna msejħin inkunu “strument ta’ fidwa għal kulħadd” u minnu nintbagħtu “fid-dinja kollha bħala dawl tad-dinja u melħ tal-art (ara Mt 5,13-16)” (par. 9). Li tkun ‘messjaniku’ timplika li tkun qaddej u tkun sinjal. Ifisser li tħobb lill-oħrajn u trid il-ġid tagħhom, bħalma għamel Kristu. Speċifikament, ifisser li nkunu balzmu u duwa, kif għandha tkun il-Knisja.
Hawnhekk hu importanti li nirrimarkaw li Lumen Gentium jirrikonoxxi li:
l-Ispirtu s-Santu mhux biss iqaddes u jmexxi l-poplu ta’ Alla bis-sagramenti u l-ministeri u jżejnu bil-virtujiet, iżda jqassam ukoll id-doni tiegħu “lil kull wieħed kif jogħġbu” (1 Kor 12,11), jagħti lil kull grad ta’ fidili grazzji speċjali biex bihom ikunu jistgħu jidħlu aħjar u b’ħeġġa akbar għall-ħidmiet u għad-dmirijiet li bihom il-Knisja tkun tista’ tiġġedded u tinbena aktar fil-wisa’ skont ma hemm miktub, li lil kull wieħed “tingħata r-rivelazzjoni tal-Ispirtu għall-ġid ta’ kulħadd” (1 Kor 12,7).
Lumen Gentium, par. 12
Dan l-emfasi fuq il-Knisja bħala ‘poplu wieħed’ hu tassew ta’ valur għax jirrikonoxxi li l-Knisja mhijiex magħmulha biss mill-ġerarkija u l-episkopat, imma mill-imgħammdin kollha; il-poplu kollu ta’ Alla hu importanti.
Imbagħad, fil-bqija tal-paragrafi ta’ Kapitlu II, id-dokument jindirizza waħda mill-frażijiet kontroversjali u interpretata b’mod mill-iktar żbaljat tal-Knisja: “barra l-Knisja m’hemmx salvazzjoni” (extra ecclesiam nulla salus). Imma dan se nesplorawh b’mod iktar komprensiv fl-artiklu li jmiss.