Il‑Knisja tagħna tissokta tagħmel il‑frott

Il-Kelma li twasslet lilna mill-Appostlu Pawlu u li ħalliet il-frott f’għemejjel konkreti ta’ ħniena mill-poplu tagħna, tista’ tinqara wkoll fl-istess pajsaġġ tagħna ffurmat matul is-sekli.

Il-monumenti reliġjużi mxerrdin kull fejn tħares jirrakkuntaw ġrajja ta’ salvazzjoni u jiċċelebraw il-glorja ta’ Alla permezz tal‑ġebel, tal‑arti u tat-teżori nazzjonali. Ħafna mill-wirt reliġjuż tagħna jfakkar it-talb ħerqan tagħna matul iż‑żminijiet lil Marija, Omm Alla, li daħlet għalina biex stajna nġarrbu l‑grazzja ta’ Alla fil-mumenti l-iktar iebsa—mard u mewt, ġuħ u faqar, assedji u gwerer. Ma nistgħux ngħadduhom id-drabi, tul l-istorja twila tagħna, li fihom missirijietna għarfu li Alla biss seta’ jgħinhom fis-siegħa tal-prova, meta il-Kelma u l-Karità, l‑Evanġelizzazzjoni u d‑Djakonija, kienu ż‑żewġ dirgħajn li bnew il‑Knisja tagħna hi u terfagħhom mill‑ġdid lejn is‑sema fit‑tifħir u r‑radd il‑ħajr.

Hu minnu li, illum, Malta mhijiex tbati mill‑ħerba li jġibu l‑għaks estrem, il‑pestilenzi u l‑gwerer. Imma xorta waħda, ruħ in‑nies tagħna hi mħeddla bl‑indifferenza; imħawda minħabba l‑bidliet mgħaġġla fil‑kultura; għajjiena bil‑pass imgħaġġel tal‑istil ta’ ħajja li qegħdin ngħixu; imtaqqla bi tbatija fis‑skiet. Il‑feriti psikoloġiċi tagħna jidher li huma perikolużi daqs il‑ġrieħi fiżiċi “tal‑isptar fil‑kamp wara l‑battalja.” Dawn ukoll jeħtieġu li jiġu mdewwija u mfaxxati b’mod urġenti.

Filwaqt li l‑komunità Nisranija lokali tixxennaq li dduq mill‑ġdid il‑qawwa tal‑laqgħa ma’ Kristu li twellidna mill‑ġdid, hi tfittex li tieħu ħsieb ta’ ruħha mħeddla permezz tal‑Kelma tiegħu u li tirriforma ruħha billi timita l‑imħabba tiegħu li ċekken lilu nnifsu. Għalhekk jeħtieġ li mhux biss naqraw is‑sinjali taż‑żminijiet imma wkoll li niftakru f’dak li aħna msejħin inkunu bħala l‑Poplu wieħed u qaddis ta’ Alla f’din il‑gżira.

B’hekk biss il‑Knisja tista’ tintbagħat mill‑ġdid fir‑realtà soċjo‑politika li qegħdin ngħixu fiha.

(Mid-dokument Knisja Waħda, Vjaġġ Wieħed paġna 23)