Poplu Wieħed u Qaddis ta’ Alla f’Malta

L‑Art, il‑ġrajjiet u l‑espressjoni tal‑fidi huma l‑għeruq tal‑Poplu Qaddis ta’ Alla f’Malta. Il‑ħajja Nisranija tieħu l‑forma tagħha mis‑salib. Fil‑ħajja tagħna ta’ kuljum, aħna nterrqu b’mod orizzontali, immorru mid‑dar għax‑xogħol, mill‑iskola għall‑postijiet ta’ divertiment, mill‑knejjes tagħna għall‑periferiji, u wkoll fl‑ispazji diġitali. U dan il‑vjaġġ nagħmluh konxji li l‑istorja tal‑fidi tagħna, mgħoddija lilna minn missirijietna, tiftaħ il‑ħajja tagħna ’l fuq b’mod vertikali għat‑tama tat‑Tieni Miġja. “Iż‑żmien hu aqwa mill‑ispazju” (Evangelii Gaudium, par. 222‑225) għax iż‑żmien jgħaqqad kull mument tal‑eżistenza maħluqa tagħna mal‑aħħar taż‑żmien. Imma din l‑eżistenza trid tingħex f’komunità għax Alla hu Komunjoni; din il‑“ħajja” mogħtija ssib il‑milja tagħha fl‑esperjenza ta’ Knisja, fejn niġu trasformati f’Poplu Qaddis ta’ Alla miġbur fl‑imħabba tal‑Ispirtu s‑Santu u fil‑ferħ tal‑ewwel kerygma. L‑universalità tal‑Knisja tinbena minn dawn il‑ħafna espressjonijiet uniċi tal‑“Poplu Qaddis ta’ Alla” f’kulturi differenti.

Il‑Kattoliċità hija x‑xhieda ta’ kull wieħed mill‑“popli” differenti li flimkien jirriflettu s‑sbuħija tal‑għaġeb tas‑salvazzjoni u d‑divinizzazzjoni mwiegħda minn Alla lil kull bniedem. “Kif dan il‑ħobż maqsum kien imxerred fuq l‑għoljiet u mbagħad inġabar u sar ħaġa waħda, ħa tkun miġbura wkoll il‑Knisja tiegħek minn truf l‑art fis‑Saltna tiegħek” (Didache 9.4).

Dak li jagħmel uniku lil kull poplu jidher fil‑kultura partikolari tiegħu. Għax hi dak “is‑sħiħ li hu ikbar mill‑ġabra tal‑partijiet flimkien” (Evangelii Gaudium, par. 234‑237) u li jirrifletti l‑ispirtu ta’ poplu, il‑kultura hija dik il‑ħamrija għammiela li fiha x‑xhieda għall‑Aħbar it‑Tajba ta’ poplu partikolari tikber u tagħti l‑frott.

(Mid-dokument Knisja Waħda, Vjaġġ Wieħed paġna 24-25)