Knisja li xxandar u taqdi

Taħt il-ħarsa kollha mħabba ta’ Omm Alla, il-Knisja ta’ Pawlu msejħa tkompli xxandar u taqdi. Il-poplu Malti kien imbierek bil-Kelma li ssalva minn fomm l-Appostlu stess u bl-għixien tagħha fil-qadi ġeneruż u leali. Kapitlu 28 tal-Atti tal-Appostli jixhed għall-ospitalità murija lil Pawlu u l-priġunieri l-oħra u s-suldati li salvaw mill-għarqa. Missirijietna mhux biss kienu fost l‑ewwel li laqgħu l‑Evanġelju, imma wkoll għexuh billi taw kenn lill‑barrani.

U, minkejja l-istorja mqallba tagħna, fittixna li nkomplu din it-tradizzjoni matul is-sekli, b’mod partikolari billi nieħdu ħsieb il-morda u l-feruti li waslu fi gżiritna, liema servizz kien imsaħħaħ mill-Ordni Sovran Militari u Ospitalier ta’ San Ġwann u Ġerusalemm (l-Ordni ta’ Malta).

Illum, għandna l-isfida li nkomplu ngħinu l-immigranti li jissograw ħajjithom fl-ibħra tagħna jew ifittxu ħajja ġdida f’din l-art tagħna. U nkomplu nieħdu ħsieb dawk fostna li huma morda, foqra u dawk kollha li jħossuhom mgħaffġin mill‑ħajja. Fuq kollox, aħna msejħin inpoġġu l‑ħarsien tal‑ħajja umana u d‑dinjità ta’ kull bniedem fiċ‑ċentru tax‑xandir u l-qadi tagħna. Il‑Knisja tagħna tissokta tagħmel il‑frott permezz tal‑għejun spiritwali tal‑Evanġelizzazzjoni u d‑Djakonija.

Fis-seklu li għadda, faru b’abbundanza l-għejun tal-Evanġelizzazzjoni u d-Djakonija hekk kif San Ġorġ Preca rawwem spiritwalità ta’ katekeżi li biha stagħnew il-parroċċi tagħna kif ukoll ġnus oħra. Hekk ukoll, ħafna mit‑tiġdid li sar fil-Knisja lokali wara l-Konċilju nibet bit-talb permezz tal-Kelma fil‑ħafna movimenti ġodda tal‑lajċi. Monsinjur Giuseppe De Piro u oħrajn waqqfu ordnijiet reliġjużi ta’ rġiel u nisa missjunarji biex jiddedikaw ħajjithom għall-qadi tal-aħwa kull fejn jibgħathom l-Ispirtu. Monsinjur Mikiel Azzopardi fetaħ id‑Dar tal‑Providenza li, bil‑ġenerożità tal‑poplu Malti, għadha taqdi lill-ulied l-iktar għeżież tagħna.

Sal‑ġurnata tal‑lum, il-Knisja Maltija, f’kollaborazzjoni mal-Istat Malti, għadha taqdi lil dawk l-iktar fil-bżonn: sew jekk fid-djar tal-anzjani, bil-kura ta’ dawk li waslu fl-aħħar, bit-trobbija ta’ tfal ġejjin minn sitwazzjonijiet diffiċli, kif ukoll bl-għajnuna lin-nies fil-bżonn jew bi problemi ta’ dipendenza, dawk li jsofru minn abbuż domestiku, jew l-immigranti u r-refuġjati li qed jippruvaw jibnu ħajjithom mill‑ġdid.

(Mid-dokument Knisja Waħda, Vjaġġ Wieħed paġni 21-23)