Il‑laqgħa tagħna mill‑ġdid ma’ Kristu

It‑tiġdid tal‑Knisja Maltija jibda bil‑laqgħa tagħna mill‑ġdid ma’ Kristu. L-Evanġelista Luqa jibni r-rakkont ta’ Għemmaws bħala prototip tar-rakkonti tal-laqgħa tad-dixxipli ma’ Kristu Rxoxt. Id-dixxipli, li mxew wara dak il-predikatur itineranti minn Nazaret li fejjaq u għamel l-għeġubijiet—“profeta” li emmnu li kien il-Messija mwiegħed lil Iżrael (Lq 24, 19. 21)—kienu mkissrin, diżillużi u beżgħana wara l‑ħasda tat‑tislib tiegħu bla mistenni. Bħal Pietru, li reġa’ lura għax-xogħol tiegħu wara l-qtil tal-Imgħallem tiegħu (ara Ġw 21, 1–3), huma wkoll telqu minn Ġerusalemm.

Donnhom injoraw ix-xhieda tan-nisa u l-qabar vojt (Lq 24, 22–24). It-tama tagħhom ma kinetx biss li jiġbru l-biċċiet tal‑ħajja tagħhom, imma, iktar probabbli, li jsalvaw ġildhom. Fil‑konvinzjoni tagħhom li l-Mulej kien mejjet, il-komunità nnifisha bdiet titfarrak: kulħadd jaħseb għal rasu; kulħadd fuq xogħlu u kulħadd qabad triqtu. Hu biss fi Kristu li setgħu jkunu ħaġa waħda.

Fi triqthom ’l hemm minn Ġerusalemm, Kristu Rxoxt jiġi jiltaqa’ magħhom u jimxi magħhom it-triq kollha. U, bħalma għamel drabi oħra qabel, fit-triq joqgħod ukoll ifissrilhom dak li l-Iskrittura tgħid fuqu (Lq 24, 27).

Imma huma baqgħu ma għarfuhx. Għajnejhom baqgħu mgħammda; il-fidi tagħhom bierda. Imma kien sempliċiment permezz ta’ ġest ċkejken ta’ tjubija u ospitalità lejn il-barrani (ara Lq 24, 29)—ġest li nifed fl-għeluq tagħhom fuqhom infushom—li l-Mulej seta’ juri ruħu lilhom.

Biex jiftħilna għajnejna, Kristu għandu bżonn biss sinjal imqar ċkejken ta’ rieda li niltaqgħu miegħu.

Imma, hekk kif “infetħulhom għajnejhom u għarfuh,” huma setgħu jifilħu għad-dehra tal-glorja tiegħu għal waqt wieħed biss. “Iżda hu għab minn quddiemhom” (Lq 24, 31). Id-dawl tal-preżenza trasfigurata tiegħu kien wisq biex setgħu jifilħu għalih sakemm jirċievu l-Ispirtu s-Santu bħala ġemgħa fl-aħħar taż‑żminijiet, il‑“Poplu Qaddis ta’ Alla.”

Dik il-laqgħa ma’ Kristu Rxoxt kienet biżżejjed biex minn dixxipli diżorjentati mixjin lejn Għemmaws isiru “dixxipli missjunarji” (Evangelii Gaudium, par. 24, 119-121, 173) u ż‑żerriegħa tal‑ecclesia.

  • Dawn id-dixxipli jiksbu l-qawwa biex imorru Ġerusalemm dak il‑ħin stess (ara Lq 24, 33);
  • jirċievu l-Ispirtu s-Santu mingħand Kristu stess li jidher lill-grupp kollu miġbur fil-Belt Qaddisa (ara Lq 24, 36);
  • rawh jitla’ s-sema (ara Lq 24, 51).
  • Bi tweġiba għal dan, bħala l-fdal ta’ Iżrael, huma jmorru fit-tempju jbierku ’l Alla (ara Lq 24, 53).
  • B’hekk, kif ifakkarna tajjeb San Luqa permezz tal-profezija ta’ Ġoel, huma jħejju għall-Aħħar Jiem mibdija bit-tiswib tal-Ispirtu s-Santu fuq kull bniedem (Atti 2, 17).

Dawk id-dixxipli li mxew wara Ġesù u li ħassewhom mitlufa u mbeżżgħa quddiem il-mewt tiegħu, issa jsiru l-ewwel “ġisem ta’ Kristu” biex jagħtu xhieda tal-ferħ li ġabet fid-dinja s-salvazzjoni tiegħu. Huma mhux biss ixandru l-Aħbar it-Tajba lill-imsejknin, imma bil-qawwa li tinżel fuqhom huma jfejqu l-morda, jerfgħu lill-mitluqin, jaħfru d-dnubiet u jibnu komunitajiet ta’ ħbieb li fihom “ma hemmx iżjed Lhudi u anqas Grieg, ma hemmx ilsir u anqas ħieles, ma hemmx raġel u anqas mara; għax intom ilkoll ħaġa waħda fi Kristu Ġesù” (Gal 3, 28). Bħalma wegħidhom Ġesù: “Tassew tassew ngħidilkom, min jemmen fija hu wkoll għad jagħmel l-opri li qiegħed nagħmel jien, u akbar minnhom għad jagħmel … jekk titolbuni xi ħaġa f’ismi, jiena nagħmilha” (Ġw 14, 12–14).

Id‑doni tal‑għaġeb tal‑Ispirtu msawba fuq il‑magħżulin—“Lil kull wieħed tingħata r‑rivelazzjoni tal‑Ispirtu għall‑ġid ta’ kulħadd: lil wieħed kliem l‑għerf, mill‑istess Spirtu; lil ieħor il‑kelma tas‑sapjenza mill‑istess Spirtu; lil ieħor il‑fidi mill‑istess Spirtu; lil ieħor id‑don tal‑fejqan mill‑istess Spirtu; lil ieħor is‑setgħa tal‑mirakli; lil ieħor id‑don tal‑profezija; lil ieħor id‑don tal‑għażla tal‑ispirti; lil ieħor diversi ilsna; lil ieħor it‑tifsir tal‑ilsna” (1 Kor 12, 7‑10)—tkebbsu u nfirxu bħal nar jaqbad hekk kif il‑Knisja xterdet mad‑dinja kollha magħrufa dak iż‑żmien … inkluż fi gżiritna.

(Mid-dokument Knisja Waħda, Vjaġġ Wieħed paġni 18-19)