Knisja Waħda, Vjaġġ Wieħed

Fl‑Assemblea Djoċesana ta’ Novembru 2018, fejn il‑Knisja lokali rriflettiet fuq ir‑realtà tagħha llum filwaqt li ħarset ukoll lejn dak li ħareġ mid‑Dokumenti tas‑Sinodu Djoċesan tal‑2003, l‑Arċisqof Charles Jude Scicluna ppropona r‑rakkont tad‑Dixxipli ta’ Għemmaws mill‑Evanġelju skont San Luqa biex idawwal proċess ta’ dixxerniment ekkleżjali li jwassal għal riforma pastorali.

Fl‑Assemblea Djoċesana ta’ Novembru 2019, ġie ppreżentat abbozz tal‑proċess—dan il‑metodu ta’ riflessjoni fi tmien stadji—li kull entità fil‑Knisja kienet se tkun mistiedna tipprattika fil‑konkret tar‑realtà tagħha biex tipparteċipa b’mod sħiħ f’dixxerniment komunitarju. Id‑dokument kien il‑frott ta’ diversi laqgħat fix‑xhur ta’ qabel, li taw stampa ċara tar‑realtà spiritwali tal‑Knisja lokali, u allura kien maħsub biex ikun minnu nnifsu duwa u prassi ta’ attitudnijiet li jsaħħu x‑xhieda tal‑Poplu ta’ Alla f’Malta.

Dak li jagħmel il‑proċess tassew ekkleżjali—li jagħmilna lkoll flimkien tassew “Knisja Waħda, Vjaġġ Wieħed”—huwa li lkoll nkunu mmexxija mill‑istess Spirtu li dejjem jagħti l‑Ħajja u ħajja bil‑bosta. Huwa biss fil‑ħajja li jagħti l‑Ispirtu li l‑Knisja tissaffa u titkattar bħala dixxipli missjunarji ta’ Kristu f’pajjiżna. Huwa fl-istess Spirtu li nsibu l-kuraġġ li nimpenjaw ruħna b’mod kreattiv għas-servizz tas-Saltna ta’ Alla.

L‑għażla li l‑Isqfijiet joffru “proċess ta’ tiġdid ekkleżjali” tirrifletti wkoll diversi indikazzjonijiet espressi mill‑Papa Franġisku stess li jisħaq li l‑Knisja għandha tibda proċessi fi spirtu ta’ dixxerniment u djalogu li jwasslu għall‑ħajja ġdida. Għalhekk, fil-ġimgħat li ġejjin ser nippreżentaw siltiet mid-dokument Knisja Waħda, Vjaġġ Wieħed li qed jiggwida r-riflessjoni aħna u nkomplu niktbu l-istorja tal‑Knisja tagħna li bdiet bil‑miġja ta’ missierna San Pawl.