Is-Sabar: Ir-Raba’ Frott tal-Ispirtu

Naħseb li bħali, ilkoll nixtiequ u nixxenqu għal doża ikbar ta’ sabar, b’mod speċjali jekk tkun issuq. Barra li bla heda niġu ppruvati fuq din il-ħaġa minn diversi ċirkostanzi u persuni, jekk inħallu iktar wisa’ lill-Ispirtu Qaddis biex jaħdem, żgur li tiżdied il-possibbiltà li Hu jkabbar fina dan il-frott.

San Pawl fl-Ittra lill-Galatin juża l-kelma μακροθυμία (makrothumia), li litteralment tfisser passjoni/rabja twila, u allura timplika li wieħed idum qabel jiżbroffa. Din hija waħda mill-kwalitajiet li Alla jsemmi dwaru nnifsu meta Mosè jitolbu li jara wiċċu u, billi ħadd ma jista’ jara lil Alla u jibqa’ ħaj, Alla jqiegħed lil Mosè f’xaqq il-blata u jgħattih b’idu sakemm ngħaddi, imma jneħħi idu fl-aħħar biex ikun jista’ jara dahru. U waqt li jkun għaddej minn quddiem Mosè, Alla jgħajjat: “Jaħweh! Jaħweh! Alla li jagħder u jħenn; tqil biex jagħdab u kbir fit-tjieba u l-fedeltà” (Eż 34, 6).

F’dan il-kuntest is-sabar ma jfissirx sempliċiment li tieħu paċenzja għax m’hemmx x’tagħmel, imma hija għażla pożittiva, u l-frott tiegħu jidher meta aħna nittrattaw lill-oħrajn b’għaqal u tolleranza għad-difetti, meta nirreżistu t-tentazzjoni, meta nissaportu u nibqgħu sodi f’sitwazzjonijiet diffiċli, u meta nittrattaw anke lilna nfusna b’ġentilezza li tirrikonoxxi li aħna wkoll għandna bżonn il-maħfra u l-ħniena. Kultant l-iktar persuna li diffiċli tiegħu paċenzja biha huwa inti stess! Mhux ta’ b’xejn li San Pawl lil Timotju jiktiblu:

Din hija kelma ta’ min jemminha u jilqagħha għalkollox: li Kristu Ġesù ġie fid-dinja biex isalva l-midinbin; u fosthom, lili l-ewwel wieħed. Iżda jien minħabba f’hekk sibt il-ħniena, biex bija, bħala l-ewwel wieħed, Kristu Ġesù juri s-sabar kollu tiegħu, b’eżempju għal dawk li kienu għad iridu jemmnu fih biex ikollhom il-ħajja ta’ dejjem.

1 Tim 1, 15-16

Tibżax! Taqtax qalbek! Stabar! Għada jasal ukoll, u għada tista’ terġa’ tipprova tħalli l-wisa’ lill-Ispirtu biex iferra’ fik mill-għajn infinita tas-sabar tiegħu.