Is-Sliem: It-Tielet Frott tal-Ispirtu

It-tielet frott li l-Ispirtu s-Santu jimmatura fil-ħajja tal-Insara huwa s-sliem. X’qed jifhem Pawlu bi sliem hawn? Ħajja bla konflitti? Kieku hekk, hu l-ewwel wieħed ma tantx ibbrilla fiha għax kellu ħabta kif il-konflitti jidħlilhom bir-ras. Allura tfisser ħajja bla problemi li jtellfulek il-paċi, bħalma nħobbu ngħidu li “dejjem insib lil xi ħadd jitlifli l-paċi,” flok nammetti li jiena jista’ għandi biċċa mit-tort?

Il-kelma εἰρήνη (eiréné) li juża Pawlu timplika mhux sempliċiment trankwillità u kalma imma sens ta’ sħuħija u milja (wholeness bl-Ingliż), meta l-partijiet u l-biċċiet kollha jkunu f’sintonija ma’ xulxin. Fil-fatt, fl-Ittra lir-Rumani, San Pawl jikteb hekk: “Ix-xewqat tal-ġisem iwasslu għall-mewt; ix-xewqat tal-Ispirtu jwasslu għall-ħajja u s-sliem,” (Rum 8, 6) sentenza li timplika li l-paċi ġenwinament Nisranija hija dik li tiġi meta nkunu persuni integri u ta’ integrata, meta ma nitmexxewx mill-passjonijiet u t-tpaxxija tas-sensi imma minn dak li hu ogħla fil-bniedem—l-Ispirtu ta’ Alla li jgħammar fih.

Allura nistgħu ngħidu li nkunu nistgħu naqtgħu minn dan il-frott sew għalina u sew għal ta’ madwarna meta jkollna ċerta paċi f’qalbna minkejja li d-dinja ta’ madwarna u ħajjitna jkunu mqallbin ta’ taħt fuq bil-problemi u l-isfidi—paċi li tagħmilna kapaċi naffaċjaw dan kollu b’qawwa li żgur mhijiex ġejja mill-ħila tagħna. Hu għalhekk li lill-Filippin San Pawl iħeġġiġhom:

Tħabbtu raskom b’xejn. Fit-talb kollu tagħkom itolbu u uru lil Alla xi jkollkom bżonn, u iżżuh ħajr. U s-sliem ta’ Alla, sliem li jgħaddi kulma l-moħħ jista’ jifhem, iżommilkom qalbkom u moħħkom sħaħ fi Kristu Ġesù.

Fil 4, 6-7