L-Hena: It-Tieni Frott tal-Ispirtu

It-tieni frott tal-Ispirtu li jsemmi San Pawl f’kapitlu 5 tal-Ittra lill-Galatin huwa l-hena. Hawnhekk, l-hena jew il-ferħ mhuwiex sempliċiment kuntentizza bil-ħajja imma huwa ferm iktar profond minn hekk. Il-kelma li juża Pawlu fl-oriġinal Grieg, χαρά (kara), hija etimoloġikament marbuta ma’ kliem ieħor bħalma huma l-verb χαίρω (kairo, li tifraħ) u n-nom χάρις (karis, li ġeneralment tiġi tradotta bħala ‘grazzja’). Għaldaqstant nistgħu ngħidu li l-ferħ li qiegħed jitkellem minnu Pawlu huwa l-ferħ ta’ meta wieħed jagħraf il-preżenza u l-qawwa ta’ Alla f’ħajtu.

Nistgħu ngħidu li huwa l-ferħ li esperjenzat Marija fit-tħabbira tat-tnissil ta’ Ġesù mill-Anġlu Gabrijel. Fil-fatt, l-Anġlu jibda billi jsejħilha “mimlija bil-grazzja” u mbagħad itennilha “inti sibt grazzja quddiem Alla” (ara Lq 1, 26-38).

Għax l-għajn ta’ din il-ferħ mhuwiex xi ħaġa materjali jew li jiddependi miċ-ċirkostanzi esterjuri imma ġej mill-Ispirtu s-Santu, jekk nagħtu titwila lil kapitlu 13 ta’ San Mattew nirrealizzaw li dan l-hena mhuwiex bħal ta’ dak li, bħal art kollha blat, jisma’ l-kelma u, minkejja li jilqagħha minnufih bil-ferħ, billi ma kellux għeruq fondi, mal-ewwel għawġ jitfixkel (Mt 13, 20-21). Imma huwa l-hena ta’ min isib it-teżor tas-Saltna tas-Smewwiet u “kollu ferħan imur ibigħ kulma jkollu u jixtri dik l-għalqa” (Mt 13, 44).

Għaldaqstant tajjeb li nilqgħu t-twissija ta’ San Ġakbu meta fl-ittra tiegħu jikteb:

“Ħuti, għoddu kollox b’ferħ meta tħabbtu wiċċkom ma’ kull xorta ta’ tiġrib, għax għandkom tkunu tafu li t-tiġrib tal-fidi tagħkom inissel is-sabar.”

Ġak 1, 2-3