F’Evangelii Gaudium, il-Papa Franġisku jelenka erba’ prinċipji ma’ tensjonijiet li nsibu fis-soċjetà u li joħorġu mit-tagħlim soċjali tal-Knisja. L-ewwel tensjoni li jsemmi l-Papa hija dik bejn il-mumenti individwali maqtugħin għalihom u s-sens sħiħ taż-żmien:
Bejn dak li hu sħiħ u dak li hu limitat hemm tensjoni li tiġbed lejn żewġ naħat opposti. Is-sens tas-sħiħ jipprovoka x-xewqa li jkollna kollox, waqt li l-limitu hu l-ħajt li nsibu quddiemna. Iż-“żmien”, jekk inqisuh f’sens wiesa’, iħares lejn dak li hu sħiħ bħala espressjoni tax-xefaq li jinfetaħ quddiemna, waqt li kull mument waħdu hu espressjoni tal-limitu li ngħixu fi spazju magħluq. Iċ-ċittadini jgħixu f’tensjoni bejn ir-rabta flimkien tal-mument u d-dawl taż-żmien, tax-xefaq iktar kbir, tal-utopja li tiftaħna għall-futur bħala kawża finali li tiġbed lejha.
Evangelii Gaudium, Par. 222
Minn dan joħroġ l-ewwel prinċipju li ż-żmien hu aqwa mill-ispazju:
Jekk nagħtu prijorità lill-ispazju nispiċċaw niġġennu biex insolvu kollox fil-mument ta’ issa, biex nippruvaw nippossiedu l-ispazji kollha tal-poter u tal-affermazzjoni tagħna nfusna. Ifisser nipparalizzaw il-proċessi u nippretendu li nistgħu nwaqqfuhom. Nagħtu prijorità liż-żmien ifisser li naraw li nagħtu bidu għal proċessi iżjed milli nippossiedu spazji.
Evangelii Gaudium, Par. 223
Ieqaf u aħseb
Fl-impenn tiegħek, tfittex li tagħti l-ħajja lil proċessi li jibnu, iktar milli li tikseb riżultati immedjati u ta’ malajr imma li ma jibnux fit-tul?
“Il-parrabbola tal-qamħ u tas-sikrana (ara Mt 13:24-30) tiddeskrivi aspett importanti tal-evanġelizzazzjoni, jiġifieri dak li nuru kif l-għadu jista’ jokkupa l-ispazju tas-Saltna u jikkawża ħsara bis-sikrana, imma hu mirbuħ mit-tjieba tal-qamħ li tidher maż-żmien” (Par. 225). Għandek din il-fiduċja fl-impenn tiegħek għall-evanġelizzazzjoni?