L-istorja tal-poplu

It-tieni aspett li jibnu “poplu” fi knisja vera, “Poplu Qaddis ta’ Alla” uniku huwa l-istorja tiegħu. L‑istorja tal‑poplu, magħmula minn ħafna ġenerazzjonijiet li għaddew lil ta’ warajhom l‑għerf u l‑kisbiet li għamlu, imma wkoll id‑dgħufija, it‑trawmi mhux solvuti u l‑ħolm maqtugħ ħesrem tagħhom.

Kull ġenerazzjoni għandha d‑dmir mhux biss li tnissel u trabbi ’l uliedha, imma wkoll tikkoreġi l‑iżbalji tal‑passat, twassal fi tmiemu dak li ma temmewx il‑ġenituri tagħhom, u twettaq it‑tamiet u l‑ħolm tagħhom. L‑istorja tiffurmana mhux biss fil‑ġisem tagħna—aħna nġorru l‑ġenetika ta’ dawk li ġew qabilna— imma wkoll issawwar ir‑ruħ kollettiva tagħna, aħna u nġorru l‑fdalijiet ta’ ġrajjiet li ffurmaw il‑ħajjiet ta’ missirijietna u li jeħtieġ li ngħadduhom lill‑ġenerazzjonijiet ta’ warajna.

Wara kollox, l‑istorja hi l‑preżenza tal‑mejtin, ta’ dawk li ħallewna, fost il‑ħajjin, magħna li għadna fiċ‑ċans li nbiddlu għada. Fit‑tradizzjoni Nisranija tagħna, nitkellmu dwar dawk l‑erwieħ li nitolbu għat‑tisfija tagħhom sabiex ikunu jistgħu jiltaqgħu ma’ Alla wiċċ imb wiċċ; nitkellmu dwar il‑qaddisin li nqimu u li b’umiltà nitolbu l‑interċessjoni tagħhom. Fuq kollox, nitkellmu dwar ix‑“xirka tal‑qaddisin,” il‑Knisja ħajja, li tqim flimkien mhux biss fl‑ispazju, imma wkoll matul iż‑żminijiet u fl‑eternità.

Li nkunu ankrati fl‑istorja tagħna ma jfissirx li nkunu nostalġiċi għall‑imgħoddi; imma jfisser li għandna nilqgħu dawn il‑ġrajjiet, ngħarblu l‑emozzjonijiet tagħhom u nitgħallmu minnhom biex inkunu nistgħu ngħixu flimkien b’responsabbiltà fil‑preżent. Meta ninjoraw il‑passat jew nippretendu li qatt ma seħħ, insibu ruħna mjassra għax dak li naħarbu milli nagħmluh tagħna xorta waħda jkollu effett inkonxju fuqna, hekk li jispiċċa biex jisirqilna l‑libertà.

Din id‑dinamika mkien iktar ma tidher daqshekk ċar daqskemm meta nintilfu nippuntaw subgħajna lejn xulxin, inwaddbu l‑ġebel lil xulxin u ninqabdu f’ċikli ta’ vjolenza u tkissir reċiproku. Dawn iċ‑ċikli ma jinkisrux jekk ninjoraw id‑differenzi, imma billi naffrontawhom flimkien permezz tad‑djalogu, il‑fejqan u r‑rikonċiljazzjoni.

(Mid-dokument Knisja Waħda, Vjaġġ Wieħed paġna 26-27)