Il-Poplu ta’ Alla jingħaraf mill‑qima li jagħti

Flimkien mal-art u l-istorja, kull Poplu ta’ Alla jingħaraf tassew bħala Knisja mill‑qima li jagħti. Id‑devozzjoni popolari, bħala espressjoni tat‑talba spontanja tal‑poplu minquxa fil‑memorja għax ħierġa mir‑realtajiet mgħixa, turina l‑aspett l‑iktar intimu tar‑relazzjoni ma’ Alla. It‑talb li joħroġ b’mod spontanju u naturali mill‑kultura huwa espressjoni għanja ta’ kif Alla jiltaqa’ mal‑poplu, f’mumenti partikolari ta’ bżonn fejn il‑ġemgħa tesperjenza b’mod qawwi l‑ħniena divina fil‑vjaġġ ekkleżjali tagħha, li jsaħħaħ il‑fidi u t‑tama tal‑Poplu ta’ Alla. Sew jekk tifħir jew krib, sew jekk talba ta’ petizzjoni jew ta’ radd il‑ħajr, l‑espressjonijiet popolari tal‑fidi, għax huma eku tal‑istorja tas‑salvazzjoni, jistgħu juru li l‑komunità tassew qed tkun Knisja: il‑Poplu Qaddis magħżul minn Alla.

Imma meta jkunu maqtugħin mill‑memorja ħajja tal‑Knisja kollha kif insibuha fl‑Iskrittura u t‑Tradizzjoni—jiġifieri, meta espressjonijiet popolari lokali jsiru “tradizzjonijiet” battala li jipperpetwaw il‑pika jew jaqdu lis‑suq iktar milli lil Alla—it‑talb tal‑Poplu mhux biss jiftaqar, imma l‑“ġisem” stess jitfarrak. Meta t‑talb u l‑liturġija jispiċċaw biss ritwali vojta, jew meta naħa tirbaħ fuq oħra, u anke meta t‑tfittxija għall‑pjaċir tieħu post id‑devozzjoni, il‑Knisja tispiċċa tiċħad lilha nnifisha. Għalhekk jeħtieġ li nerġgħu niskopru l‑għeruq spiritwali tagħna—il‑memorja ta’ missirijietna bħala l‑“Poplu Qaddis u wieħed ta’ Alla.”

L‑għeruq ekkleżjali tagħna tal‑art, l‑istorja u t‑talb ifakkruna li:

  • jeħtieġ li nfittxu r‑rikonċiljazzjoni—li nsewwu t‑tiċrit tal‑passat, ta’ bejnietna, mal‑bqija tal‑ħolqien u, fuq kollox, ma’ Alla;
  • ninvestu fil‑formazzjoni tad‑dixxipli kollha msejħa biex iħarsu u jibnu kultura ta’ ħajja, bħala x‑xhieda ta’ Kristu li ta ħajtu għad‑dinja;
  • bħal Marija, irridu ndawru l‑ħarsa tagħna lejn il‑Missier biex irroddulu ħajr u nikkontemplaw bla heda l‑ħniena li wera magħna bħala l‑Poplu tiegħu.
  • Hekk biss nistgħu nilqgħu l‑missjoni tagħna bħala l‑ġisem ta’ Kristu fi gżiritna.

(Mid-dokument Knisja Waħda, Vjaġġ Wieħed paġna 27-28)