X’inhi l-ewwel memorja li għandek tal-presepju? Forsi dak il-presepju żgħir li tawk tal-‘Mużew’? Forsi presepju daqsxejn akbar li tal-familja kienu jieħdu ħsieb jarmaw u jżejnu b’attenzjoni kbira? Hi x’inhi din il-memorja, żgur li ddur ma’ daqsxejn ta’ grotta, b’Bambin ċkejken imdawwar minn San Ġużepp u l-Madonna, u minn baqra u ħmara. Dun Karm, fl-età ta’ sittin sena, reġa’ lura għal din il-memorja tipika ta’ kull Malti u Maltija fil-poeżija Presepju ta’ tfuliti.
Dun Karm, iżda, ma jiqafx ma’ dak li darba kien ra, baqa’ stampat f’moħħu, jew forsi aħjar immarkat f’qalbu, dak li kien iħoss hu u jara l-presepju ta’ tfulitu:
kont inħoss qalbi tfur bil-ferħ u l-hena,
għax jien kont naħlef illi dak il-ħin
Ġesù kien ikun hemm jarani nħares
u f’ħarsti jifhem x’kelli f’qalbi jien:
F’qalb it-tfajjel ċkejken kien hemm dik l-istess xewqa li kienet f’qalb il-Bambin ċkejken:
xewqa sabiħa li l-presepju ċkejken
jibqagħli dehra kemm itul iż-żmien.
U forsi dan hu l-punt kollu tal-Milied. Quddiem id-diffikultajiet u l-problemi li niltaqgħu magħhom, il-Milied ifakkarna fis-sejħa l-aktar profonda tagħna: li nilqgħu lil Ġesù—u lil xulxin—bħal tfal żgħar. Forsi l-punt hu li mmorru lil hinn mis-suppervja tagħna u lil hinn mir-raġun li jista’ jkollna, u, quddiem dan il-misteru hekk kbir, niftakru f’din il-mewġa ta’ mħabba li darba ħammret wiċċ ir-rgħajja, wiċċ Dun Karm u wiċċna stess, biex ngħixuha kontinwament mill-ġdid.