Bil-Malti ngħidu, “Qisek wiċċ id-Duluri!” Forsi ngħiduha b’kompassjoni biex nibdew konverżazzjoni li tiftaħ bieb għal min hu mtaqqal biex jitkellem. Forsi ngħiduha bi nkejja għax nippretendu li ħaddieħor għandu jkun daħkan dejjem. Imma, jekk irridu nkunu onesti, ikollna nammettu li, imqar jekk biss f’xi waqtiet u mhux il-ħin kollu, aħna lkoll insibu ruħna qisna wiċċ id-Duluri. Għax aħna lkoll hemm xi jtaqqalna u jgħaffiġna ’l isfel. Ilkoll għandna piżijiet fuq il-kuxjenza u soror ta’ ġrajjiet mgħobbijin fuq daharna bħal donna skjavi jew bhejjem tat-tagħbija. Ilkoll inħossuna mixjin hemm taħt—taħt it-toqol falz tal-kartapesta li ma jfisser xejn ħdejn it-toqol kollu l-ieħor. Imma hemmhekk insibu l-kenn. Hemmhekk insibu l-faraġ. Tgħid għalfejn?
Forsi għax mhux biss qisha imma hi tassew wiċċ id-Duluri: imnikkta, mifnija, imsallab? Forsi għax dak il-wiċċ hu tassew wiċċ id-Duluri, wiċċ it-tbatijiet? Wiċċ li jġorr miljuni ta’ wċuħ oħra addolorati. U huma ħafna d-duluri li jifnuha. Imma lkoll nafu li l-wiċċ veru tagħna—dak il-wiċċ li jifdal xħin inkunu neħħejna l-maskri u t-tikħil u t-tiżjin kollu—jinsab hemm ukoll minqux fil-ħofor ta’ dak il-wiċċ tal-kartapesta li jfakkarna f’wiċċ tad-demm u l-laħam bħal tagħna. Wiċċ bil-ġbin imkemmex u s-swidija madwar l-għajnejn li mhumiex irtokk imma huma veri. Wiċċ li miegħu gelgel id-dmugħ mingħajr ma dewbu għax hu wiċċ ta’ veru u mhux miksi bil-ġibs. Għajnejn li nqasmu u ħmaru u mhux biss għandhom ħbub miżbugħin. Dirgħajn li laqgħu piż ta’ veru—piż ta’ laħam mejjet, katavru mtaqqal bit-toqol ta’ dnub l-umanità u mhux manikin u liżar bit-tarf tal-bizzilla u r-riħa tal-boċċi tal-kamla biex ma jitgħarraqx.
X’misteru, hux! Il-faraġ insibuh f’wiċċ bħal tagħna. Il-konsolazzjoni nsibuha mhux meta niċċaċraw u naqbżu biex ninsew imma meta nħarsu lejn in-niket f’wiċċu. U nistabru għax hemmhekk naraw il-verità: nagħrfu li dak in-niket ġabilna l-fidwa; dak l-hemm fetħilna l-possibbiltà għall-ferħ ġenwin u dejjiem. Tana tama li ma tintemx kemm-il darba l-mixja wara d-Duluri ma tkunx ta’ darba f’sena, imma pass mogħti kuljum wara l-Imgħallem mislub u rxuxtat.