Żgur li xi darba jew oħra smajnieha l-espressjoni kantata—għalkemm ċertament b’mod ftit iktar imżejjen—“San Pawl, San Pawl, x’ġejt tagħmel hawn?” Mir-rakkont tal-Atti tal-Appostli jidher ċar li kien il-pjan divin, u mhux il-pjanijiet tal-bnedmin, li wasslu lil Pawlu fuq gżiritna sabiex f’dan il-poplu barbaru—la jitkellem Grieg u lanqas Latin—il-mandat li l-Evanġelju jasal sa truf l-art għand il-ġnus kollha jibda jitwettaq b’mod konkret.
Imma nagħmlu mod li x-xwejjaħ Pawl tiġih il-kurżità li jerġa’ jiġi s’hawn sabiex jara x’sar minna u jiftakar ftit għalfejn ġie hawn, x’sab, xi skopra, x’għamel, in-nies li ltaqa’ magħhom … X’nimmaġinaw li jsib differenti jew affaxxinanti iktar mill-ewwel darba li ġie? X’nimmaġinaw li tkun ir-reazzjoni tiegħu?
Għalkemm il-pajsaġġ u l-veduti nbidlu radikalment, ir-riħa tal-baħar u togħma tal-melħ fl-arja żgur li ma nbidlux, b’mod partikolari jekk jerġa’ jiġi f’xi Grigalata. Probabbilment jiffranka l-għawma għax joħorġu jsalvawh it-taqsima marittima tal-armata, jew jiġi bl-ajruplan u jidħol bil-karta tal-identità normali għax ċittadin Ruman u allura fiż-żona Schengen.
Żgur li jsib popolazzjoni ħafna u ħafna ikbar, imma se jsib l-istess taħlit ta’ kulturi u popli li huma normali għal gżira-port bħalma hi Malta li tul is-sekli għaddiet minn ħakma għal oħra u, minkejja dan, xorta baqgħet post sigur fejn issib il-kenn. Fi żmienu, kienet rokna kemxejn minsija tal-Imperu u b’ċertu awtonomija … Anzi naħseb li se jsib inqas awtonomija nazzjonali għax il-ħakma imperjali ma kinetx tindaħal fil-mod kif jitmexxew l-affarijiet hawn u x’valuri jħaddan dan il-poplu. Kellna l-muniti tagħhom. Kellna l-kultura u l-lingwa tagħna, filwaqt li kien hemm ftuħ għall-multi-kulturaliżmu li r-realtà imperjali u marittima kienet iġġib magħha.
Żgur li jsib l-istess attitudni soċjali ta’ “ma qalu lil ħadd, imma qalu lil xulxin,” l-iktar meta jirrealizza li f’tebqa t’għajn diġà kulħadd jaf li wasal. Naħseb li jidħaq u jikkonferma li, wara kollox, ma nbdilniex wisq.
Jekk jiġi dis-sena jiskopri li m’hemmx għalfejn jimxi biex jivvjaġġa b’xejn. Imma żgur jiskanta kif b’dan l-inċentiv xorta donnu kulħadd jippreferi jivvjaġġa waħdu bil-vettura tiegħu. Tgħid għalfejn? Forsi għax tant sar fiha ġenn il-ħajja li l-ħin tas-sewqan huwa l-uniku ħin li fih inkunu waħedna magħna nfusna, u forsi wkoll waħedna ma’ Alla fit-talb, għaliex le? Jew forsi għax ma rridux nitħalltu mal-“barranin”?
Żgur li jitpaxxa jara knisja f’kull rokna. Imma jiddeludi ruħu xi ftit xħin jidħol fi mqades sbieħ, mixgħula tajjeb, b’ħinijiet komdi żżejjed tal-quddies, u, minkejja dan, xorta waħda jsibhom mhux daqstant mimlija u l-età tal-kongregazzjoni tkun iktar tamparu … Naħseb li tibda tiġih in-nostalġija għall-quddies fil-moħbi u l-umdità tal-katakombi jew il-ħabsijiet fejn il-fidi kienet id-dawl u d-demm tal-martri kien iżejjen il-ħitan.
Imma Pawlu hu wisq bniedem prattiku biex jinħakem min-nostalġija … imma minn fejn se jibda? Minfejn se nibdew aħna li ġejna fdati bit-teżor tal-fidi, li mhuwiex sempliċiment patrimonju ta’ missirijietna bħax-xeltrijiet, is-swar, u l-ħobża tal-Malti, imma huwa teżor, ġid, li jrid jitħaddem? Kieku jiġi llum, Pawlu jfakkarna li l-missjoni tagħna bħala Nsara fuq dil-laqxa f’nofs ta’ baħar hija li nġibu l-fejqan. Bħal Pawlu għandna diffikultà tal-lingwa li biha se nxandru l-Evanġelju b’mod li jinftiehem mill-bniedem tal-lum. Bħal Pawlu għandna l-isfida li nikkonfrontaw antagoniżmu u superstizzjonijiet fl-istess waqt—estremi li jitbewsu flimkien meta titwarrab il-fidi. Bħal Pawlu għandna l-isfida li nbiddlu f’duwa li ddewwi u tagħti ċans ieħor dak il-velenu tal-pika li jmarrad ir-relazzjonijiet tagħna.
Bħal Pawlu għandna l-isfida li noħorġu l-aħjar tal-poplu tagħna; li ma nikkuntentawx bil-ftit imma nkunu kuntenti biss billi isem Kristu jkun magħruf u maħbub, mingħajr il-bżonn li nkunu komunità trijonfanti, imma billi nkunu komunità disponibbli, lesta biex taqdi lill-bniedem f’kull ħtieġa tiegħu. Ma’ Pawlu rridu noffru t-tama, li hi tant nieqsa mill-perspettivi insulari u limitati tagħna u minn viżjoni ta’ ħajja li teħel biss mal-issa u l-illum bla ebda ħsieb fuq għada u fuq it-tmiem—l-għan—tal-ħajja.
Għadd ta’ leġġendi Maltin jirrakkuntaw dehriet tal-Appostlu biex salvana minn dak li kien ta’ theddida għall-fidi Nisranija. Imma kieku jseħħu llum, Pawlu żgur jinfixel għax isib li aħna stess sirna l-għedewwa u l-qerrieda tagħna nfusna u ta’ artna.
Ċert li San Pawl għadu jiftakar x’ġie jagħmel hawn. Huwa aħna li faċilment ninsew. Għaldaqstant, ma jagħmilx ħażin li nimmaġinaw u noħolmu mill-ġdid għax huma biss l-immaġinazzjoni u l-ħolm li, bħal Pawlu, joffrulna tama u qawwa biex naffaċċjaw ir-realtà kif inhi u nsibu modi kif nistgħu nikkomunikaw b’mod li jinftiehem u li jġib fejqan u salvazzjoni; nuru mogħdrija imma fl-istess ħin għajjura għall-verità ta’ Kristu hekk li lesti nkomplu l-vjaġġ, mhux lejn Ruma imma fit-toroq ta’ artna stess, fejn jgħammru nies bil-għatx għal Kristu imma li għadhom ma għarfuhx jew insewh, forsi għax ix-xhieda tagħna hija ta’ tfixkil flok ta’ għajnuna biex jersqu qrib.
Tajjeb nerġgħu niftakru Pawlu x’ġie jagħmel hawn ħalli anke aħna nifhmu aħjar x’qed nagħmlu hawn, x’nistgħu nagħmlu hawn, it-toroq li l-Mulej jixtieq iqabbadna, il-postijiet li fihom Kristu jixtieq iwassalna biex jasal hu permezz tagħna, il-fejqan li jixtieq iwassal, id-duwa li telgħeb is-semm tal-egoiżmu u l-qerq.