Is-Sibt li għadda kont qed nisma’ l-quddiesa u s-saċerdoti li qaddes iċċelebra l-quddiesa votiva tal-Madonna. F’waħda mit-talbiet—il-prefazju, dik it-talba li s-saċerdot jgħid qabel il-konsagrazzjoni—kien hemm sentenza li laqtitni u li tfisser b’mod mill-iktar kemm is-solennità ta’ Marija Mtellgħa s-Sema u kif ukoll it-tifkira ta’ Marija Reġina tmint ijiem wara. It-talba kienet tgħid hekk:
Imtella’ fil-glorja tas-sema bi mħabba ta’ Omm tieħu ħsieb il-Knisja fid-dinja u tħarisha fil-mixi tagħha lejn is-sema, sa ma jasal jum il-Mulej fis-sebħ kollu tiegħu.
Missal Ruman, Prefazju tal-Quddiesa Votiva tal-Madonna
Din is-sentenza laqtitni għax tagħti perspettiva partikolari fuq il-misteru ta’ Marija u fuq il-misteru tal-bniedem. It-tlugħ ta’ Kristu fis-sema ma kienx ifisser li Ġesù telaqna waħedna imma kien ifisser li hu ħa l-umanità tagħna fil-lemin tal-Missier biex hemm jidħol għalina ħalli jsalvana, ħalli jwassal f’darhom lill-bnedmin kollha, ta’ kull post u ta’ kull żmien, u mhux biss dawk il-ftit li kienu madwaru. Hekk ukoll, dawn iċ-ċelebrazzjonijiet liturġiċi jagħtu laqta materna lill-istess misteru tas-salvazzjoni għax, bit-tlugħ tagħha fis-sema, il-missjoni tagħha ta’ omm għad-dixxipli ta’ Binha Ġesù ma spiċċatx mal-mewt tagħha imma, b’ġisem igglorifikat bħal ta’ Kristu—u bħall-ġisem igglorifikat li għad ikollhom dawk kollha li jmutu f’għaqda ma’ Kristu—Marija tieħu ħsiebna lkoll kull fejn ninsabu u timxi magħna sabiex naslu f’din id-dar tas-sema.
Marija hija Omm li tieħu ħsiebna, li timxi magħna fit-triq tal-ħajja u tifrex il-mant tal-ħarsien tagħha, liema mant—għax hi omm tassew—ma joħnoqx il-libertà imma iktar jagħtihielna għax hija dik l-omm li tagħti l-wisa’ lil uliedha imma fl-istess ħin tibqa’ hemm, preżenti, punt ta’ referenza, u ma tiqafx tkun omm għax l-ulied kibru u telqu mid-dar. Dawk li bħala ġenituri għaddew jew għaddejjin minn dan l-istadju jistgħu jifhmu iktar din ir-realtà. U lkoll nifhmuha, mill-banda l-oħra, meta aħna f’dak il-wisa’ tal-libertà stajna nieħdu l-istat tagħna filwaqt li l-ġenituri jew adulti oħra sinifikanti baqgħu punt ta’ referenza u għajnuna. U jekk din ma kinetx l-esperjenza tagħna għax sibna l-ostakli, inħossu li xi ħaġa ma kinetx sew. Hu għalhekk li aħna nibqgħu nduru lejn Marija u npoġġu idna f’idha: ħalli tħarisna u tmexxina. Hi tiġi magħna kull fejn immorru—anke jekk naħarbu ’l bogħod, hi ma titlaqna qatt—bil-fiduċja li, pass pass, se timxi magħna u twassalna għall-glorja ta’ Binha li sar bniedem bħalna biex, kif diġà esperjenzat Marija, aħna nkunu nistgħu nsiru bħalu, għax narawh kif inhu (ara 1 Ġw 3, 2).