Probabbilment l-iktar diska magħrufa tal-kantant u awtur Leonard Cohen hija Hallelujah li ħarġet fl-1984. Imma sfortunatament qajla niftakru fih meta nisimgħuha. Iktar niftakru fil-film animat Shrek li reġa’ għamilha popolari fi żminijiet riċenti. Xi minn daqqiet ir-ritornell ta’ din id-diska nisimgħuh waqt il-quddiesa biex jakkumpanja l-akklamazzjoni ta’ qabel l-Evanġelju. Saħansitra ġieli titkanta d-diska nnifisha waqt xi tieġ fil-knisja, minkejja li mhijiex innu liturġiku. U, agħar minn hekk, diffiċli ferm biex tirrikonċiljaha mal-kuntest taċ-ċelebrazzjoni tas-sagrament taż-żwieġ meta l-ewwel strofi tagħha jitkellmu dwar David u l-adulterju tiegħu ma’ Batseba (2 Samwel 11, 1-27) minsuġa wkoll b’dettalji mill-ġrajja ta’ Sansun u Dalila  (Mħallfin 16, 4-22).

Il-kapaċità ta’ dan l-artist Kanadiż tidher bil-mod kif jirnexxilu jinseġ fl-istess test liriku l-erotiku u s-sagru, dak li hu l-iktar profan ma’ dak li hu mill-iktar qaddis, mingħajr intenzjonijiet blasfemiċi jew twaqqieh għaċ-ċajt tat-tradizzjoni reliġjuża Ġudeo-Kristjana. U, minkejja li kien ta’ twemmin Lhudi, għandu apprezzament u ammirazzjoni lejn Kristu, hekk li kważi kważi tistħajjel li laqgħu bħala l-Messija!

Barra mużika, lirika, u poeżija, Cohen kien ukoll jikteb in-novelli, xi ftit bl-istess taħlita li, għalkemm fil-poeżija hija affaxxinanti, fil-kuntest tal-proża tiġi wisq grafika u kontroversjali. F’waħda minn dawn in-novelli, Beautiful Losers, jagħti deskrizzjoni limitata imma tassew konkreta ta’ min hu l-qaddis. Limitata għax m’hemmx referenza għal Alla—jista’ jkun ukoll għax ma ħassx il-bżonn li jispeċifikaha tant kienet ovvja għalih. Tassew konkreta għax hija mill-iktar umana hekk li tinkwadra lill-qaddis—lill-bniedem li jirnexxilu jilħaq il-qdusija ta’ Alla billi jkun mill-iktar uman—fil-kuntest tar-realtà maħmuġa u mħarbta kif inhi. U ma tkunx idea ħażina li, aħna u niftħu x-xahar ta’ Novembru bis-Solennità tal-Qaddisin Kollha, nagħtu titwila lil din id-deskrizzjoni li titkellem waħedha, mingħajr ħtieġa ta’ spjegazzjonijiet …

“Min hu l-qaddis? Il-qaddis huwa xi ħadd li laħaq possibbiltà umana mbiegħda. Hu impossibbli tgħid x’inhi din il-possibbiltà. Naħseb li għandha x’taqsam mal-enerġija tal-imħabba. Il-kuntatt ma’ din l-enerġija jirriżulta fit-tħaddim ta’ forma ta’ bilanċ fil-kaos tal-eżistenza. Il-qaddis ma jneħħix il-kaos; kieku għamel hekk id-dinja kienet tinbidel żmien twil ilu. Ma naħsibx li l-qaddis ixejjen il-kaos lanqas għalih innifsu, għaliex hemm xi ħaġa arroganti u li għandu mill-gwerra fil-kunċett ta’ bniedem li jpoġġi l-univers fl-ordni. Huwa forma ta’ bilanċ li huwa l-glorja tiegħu. Huwa jirkeb l-ostakli donnu xi ski maħruba. Il-ġirja tiegħu tmelles l-għoljiet. Ir-rotta tiegħu hija tpinġija tal-borra fil-mument tal-arranġament partikolari tagħha mar-riħ u l-blat. Xi ħaġa fih tant tħobb id-dinja li jerħi lilu nnifsu għal-liġijiet tal-gravità u x-xorti. Mhux talli ma jtirx mal-anġli, talli jfittex li jkejjel bil-fedeltà ta’ labra tas-sismografu l-istat tax-xenarju konkret.”

Leonard Cohen, Beautiful Losers

Agħfas hawn biex tara l-kwotazzjoni oriġinali bl-Ingliż.