Bin il-bniedem ma ġiex biex ikun moqdi imma biex jaqdi

Id-Disgħa u Għoxrin Ħadd ta’ Matul is-Sena B

Kolletta

Nitolbu. O Alla ta’ dejjem li tista’ kollox, agħmel li norbtu dejjem ir-rieda tagħna ma’ tiegħek u naqdu s-setgħa tiegħek b’qalb safja. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li hu Alla, u li miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

Is-sagrifiċċju ta’ Kristu.
Is 53, 10-11

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Isaija

Il-Mulej għoġbu jgħakksu bil-mard.
Talli joffri ruħu b’sagrifiċċju ta’ riparazzjoni,
huwa għad jara nisel u jtawwal jiemu;
u r-rieda tal-Mulej isseħħ bih.
Wara t-tbatija tiegħu għad jara d-dawl,
jixba’ bit-tagħrif tiegħu.
Il-ġust jiġġustifika lill-qaddej tiegħu quddiem il-kotra,
u l-ħażen tagħhom jitgħabba bih hu.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.

Salm 32 (33), 4-5.18-19.20.22

R/. (22): Ħa tkun, Mulej, it-tjieba tiegħek fuqna,
kif fik hi t-tama tagħna

Sewwa hi l-kelma tal-Mulej,
kollox bil-fedeltà huwa għamel.
Hu jħobb id-dritt u s-sewwa;
bit-tjieba tal-Mulej mimlija l-art. R/.

Ara, għajnejn il-Mulej fuq dawk li jibżgħu minnu,
fuq dawk li jittamaw fit-tjieba tiegħu,
Biex jeħilsilhom mill-mewt ħajjithom,
u jaħjihom fi żmien il-ġuħ. R/.

Ruħna tixxennaq għall-Mulej,
hu l-għajnuna u t-tarka tagħna.
Ħa tkun, Mulej, it-tjieba tiegħek fuqna,
kif fik hi t-tama tagħna. R/.

Nersqu b’qalbna qawwija lejn it-tron tal-grazzja.
Lhud 4, 14-16

Qari mill-Ittra lil-Lhud

Ħuti, meta aħna għandna l-qassis il-kbir, li hu tassew kbir, qassis li daħal fis-smewwiet, Ġesù, Bin Alla, ħa nżommu sħiħa l-fidi tagħna u nistqarruha. Għax aħna ma għandniex qassis il-kbir li ma jistax jagħder id-dgħufija tagħna, imma għandna wieħed li kien imġarrab bħalna f’kollox, minbarra d-dnub.

Ħa nersqu, mela, b’qalbna qawwija lejn it-tron tal-grazzja, biex naqilgħu ħniena u nsibu f’waqtha l-grazzja li neħtieġu.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.

AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
Mk 10, 45

Hallelujah. R/. Hallelujah.
Bin il-bniedem, ma ġiex biex ikun moqdi,
imma biex jaqdi u biex jagħti ħajtu b’fidwa għall-kotra.
R/. Hallelujah.

Bin il-bniedem ġie biex jagħti ħajtu b’fidwa għall-kotra.
Mk 10, 35-45

Qari mill-Evanġelju skont San Mark

F’dak iż-żmien, Ġakbu u Ġwanni, ulied Żebedew, resqu lejh u qalulu: “Mgħallem, dak li se nitolbuk irriduk tagħtihulna”. “Xi triduni nagħmlilkom?” staqsiehom. U huma weġbuh: “Ħallina noqogħdu wieħed fuq il-lemin tiegħek u l-ieħor fuq ix-xellug fil-glorja tiegħek”.

Imma Ġesù qalilhom: “Ma tafux x’intom titolbu. Għandkom ħila tixorbu l-kalċi li se nixrob jien, u titgħammdu bil-magħmudija li biha se nitgħammed jien?”. ”Għandna”, qalulu. Imbagħad qalilhom Ġesù: “Il-kalċi li se nixrob jien tixorbuh, iva, u titgħammdu wkoll bil-magħmudija li biha se nitgħammed jien; imma li wieħed joqgħod fuq il-lemin jew fuq ix-xellug tiegħi, din mhijiex ħaġa tiegħi li nagħtiha jien, imma hi għal dawk li għalihom kienet imħejjija”.

L-għaxra l-oħra, meta semgħu dan, saħnu għal Ġakbu u għal Ġwanni. Imma Ġesù sejħilhom u qalilhom: “Tafu intom, dawk in-nies, li l-bnedmin jgħodduhom bħala kapijiet tal-pagani, jaħkmu fuqhom, u l-kbarat tagħhom iħaddmu s-setgħa tagħhom fuqhom. Fostkom ma għandux ikun hekk, imma min irid ikun kbir fostkom, għandu jkun qaddej tagħkom, u min irid ikun l-ewwel fostkom, għandu joqgħod ilsir ta’ kulħadd. Għax hekk ukoll Bin il-bniedem, hu ma ġiex biex ikun moqdi, imma biex jaqdi u biex jagħti ħajtu b’fidwa għall-kotra”.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Tifħir lilek, Kristu.

Lectio Divina

Ġakbu u Ġwanni jagħmlu bħal vavi! Tistħajjilhom isabbtu saqajhom u jirrikawtaw ukoll—kif ġieli nagħmlu aħna wara kollox għax naħsbu li għandna jedd għal dik u għall-oħra u, jekk ma tgħaddix tagħna, imbagħad naraw kif nagħmlu u nivvendikaw irwieħna; għax nippretendu li għax tlabnih naqilgħuh. Imma dak li nitolbu—għalkemm f’għajnejna jidher sewwa u xieraq—mhux dejjem ikun jgħodd għalina, u għalhekk Ġesù jiftħilhom għajnejhom, lil ulied Żebedew, u jgħidilhom li ma jafux x’inhuma jitolbu (Mk 10, 38).

Dak li riedu Ġakbu u Ġwanni kien dak li jgħammex l-għajn imma żgur li ma jimliex il-qalb. Riedu l-qawwa, il-poter u s-setgħa fuq l-oħrajn. Din hi kilba u xenqa ta’ ħafna għaliex fina l-bnedmin hemm dik ix-xewqa li jkollna kontroll fuq kollox u fuq kulħadd; il-kilba għal dejjem iktar; ix-xenqa biex naħkmu u noħonqu flok nindukraw u nrabbu. Inklinazzjoni u forsi ambizzjoni fina li, jekk ma neħdux ħsiebha, taf twassalna biex, flok naqdu u nservu lill-oħrajn, nużaw, nisfruttaw u nimmanipulaw lil dawk li aħna suppost inġibu qabilna. U forsi hawnhekk wieħed jistaqsi u jagħmel eżami tal-kuxjenza jekk hux qed naqdu u nservu jew nikkontrollow u nużaw għal skopijiet u finijiet li mhumiex ġusti. Meta npoġġu lilna nfusna l-ewwel u nfittxu biss li ninqdew aħna mingħajr ma nagħtu kas ta’ għajrna, hemmhekk ikun hemm nuqqas ta’ armonija u diżordni kbira—diżordni li sfortunatament qed ngħixu aħna llum għax kulħadd jimxi bl-attitudni ta’ ‘ġib ’l hawn u tiħux ’l hemm’.

Huwa tajjeb li wieħed jieħu ħsieb tiegħu nnifsu imma dan mhux għas-skapitu tal-oħrajn. U, fuq kollox, li kieku kulħadd jieħu ħsieb kulħadd, kieku kulħadd ikun qed jgħix il-ħajja fl-istat ideali tagħha u, filwaqt li din tidher bħala realtà ’l bogħod minn dak li nafu aħna, din hi l-istedina li qed jagħmlilna Ġesù anke lilna llum! Ġesù qed jistedinna biex indawru l-fardal ma’ qaddna u nintefgħu naqdu u nservu bi mħabba lil dawk ta’ madwarna, u dan nagħmluh mingħajr ma nistennew xejn lura għax “min irid ikun kbir fostkom, għandu jkun qaddej tagħkom, u min irid ikun l-ewwel fostkom, għandu joqgħod ilsir ta’ kulħadd” (Mk 10, 43b-44).

Ġesù hawnhekk jinstema’ qawwi u forsi xi ftit goff ukoll. Ġesù ma joqgħodx jomgħodha u bla tlaqliq jeżiġi li aħna bħalu nkunu radikali u għalhekk kliemu jolqotna u jaħsadna għax bla dubju jistona. Ejjew għalhekk inħallu kliemu jkompli jirbombja f’widnejna biex ma niddejqux nistunaw f’din id-dinja fejn mhux moda li tagħti u tingħata; fejn mhux moda li taqdi u sservi!

Talba

Mulej Ġesù, qawwina biex ma niddejqux nistunaw u nagħmlu dak li hu tajjeb; biex naqdu u nservu; biex inħobbu u ningħataw bla riservi.

Ammen.