Ħadd wara Għid il-Ħamsin – It-Trinità Qaddisa

Għeluq tal-Evanġelju skont San Mattew

Mt 28:16-20

F’dak iż-żmien, il-ħdax-il dixxiplu telqu lejn il-Galilija u marru fuq il-muntanja fejn kien ordnalhom Ġesù. Kif rawh, inxteħtu quddiemu, għalkemm xi wħud iddubitaw. Ġesù resaq ikellimhom u qalilhom: “Lili ngħatat kull setgħa fis-sema u fl-art. Morru, mela, agħmlu dixxipli mill-ġnus kollha, u għammduhom fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu, u għallmuhom iħarsu dak kollu li ordnajtilkom jien. U ara, jiena magħkom dejjem, sal-aħħar taż-żmien”.

Riflessjoni

Fil-bidu tal-Evanġelju tal-lum naraw il-ħdax-il dixxiplu jerġgħu jaqbdu triqithom lejn il-Galilija. Il-Galilija kien il-post fejn kienet bdiet l-avventura tagħhom ma’ Ġesù: il-post tas-sejħa, il-post tad-deċiżjoni li jħallu kollox biex jimxu warajh, il-post fejn bdiet mixja li kellha twassalhom Ġerusalemm fejn raw lil dak li kien għażilhom, imut fuq is-Salib. Issa se jerġgħu jmorru hemm, din id-darba fuq ‘ordni’ wara Ġesù rebbieħ fuq il-mewt u d-dnub.

L-Evanġelju jgħidilna li huma nxteħtu quddiemu, ‘għalkemm xi wħud iddubitaw’. Kemm hi realistika din il-frażi! Minjaf kemm-il darba aħna stess ninxteħtu quddiemu fl-Ewkaristija, iżda xorta nsibu lilna nfusna niddubitaw minnu, mill-imħabba bla kundizzjoni tiegħu u mill-fedeltà tiegħu. 

Madanakollu, aħna msejħa biex nemmnu fil-Kelma tiegħu li hu magħna dejjem, sal-aħħar taż-żmien. Fis-Solennità tat-Trinità Qaddisa, aħna msejħa nibnu relazzjoni miegħu bħala Alla Trinità: il-Missier li ħalaqna, l-Iben li salvana u l-Ispirtu s-Santu li jikkunslana. It-Trinità hi komunjoni bejn tliet persuni f’Alla wieħed u aħna, bħala dixxipli, imsejħa sabiex nipparteċipaw f’din l-għaqda hekk sabiħa.

Madanakollu, bħala nsara mgħammdin, aħna m’aħniex biss imsejħa biex nipparteċipaw fil-ħajja tat-Trinità Qaddisa, iżda li ngħaddu din l-istess ħajja lil dawk kollha li niltaqgħu magħhom. Il-Ħadd li għadda ċċelebrajna l-festa tal-Inżul tal-Ispirtu s-Santu fuq il-Knisja. Tassew li llum mhux faċli li nkunu ħrief qalb l-ilpup iżda l-Ispirtu s-Santu qiegħed magħna, bil-qawwa u bid-doni tiegħu, biex tassew jgħinna nkunu xhieda ta’ dak li nemmnu fih. 

Kif jgħid il-Papa Franġisku f’waħda mill-udjenzi tiegħu: ‘Din hi l-grazzja tal-fidi. Aħna ma stajniex nittamaw għal vokazzjoni ogħla: l-umanità ta’ Ġesù—Alla għamel lilu nnifsu viċin permezz ta’ Ġesù—għamlet possibbli għalina l-ħajja nnifsiha tat-Trinità; hu fetaħ, hu fetaħ beraħ dal-bieb tal-misteru tal-imħabba tal-Missier, tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu’ (3 ta’ Marzu 2021). 

Talba:

Mulej Ġesù, grazzi talli, permezz tiegħek, it-talb jiftaħna għat-Trinità—għall-Missier, għall-Iben u għall-Ispirtu s-Santu—għall-immensità ta’ Alla li hu mħabba.