Miexi quddiem l-oħrajn

Ħadd il-Palm u l-Passjoni tal-Mulej

Kolletta

O Alla ta’ dejjem li tista’ kollox, int lilna l-bnedmin tajtna eżempju ta’ umiltà meta ridt li s-Salvatur tagħna jsir bniedem bħalna u jieħu l-mewt tas-salib; fil-ħniena tiegħek, agħtina li s-sabar tiegħu jkun ta’ tagħlima għall-ħajja. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, Alla, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

Ma ħbejtx wiċċi mit-tagħjir.
Is 50, 4-7

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Isaija

Sidi l-Mulej tani lsien ta’ wieħed jitgħallem,
biex nagħraf ngħin lill-għajjien b’xi kelma.
Ta’ kull filgħodu jqajjimli lil widinti,
biex nisma’ bħal wieħed jitgħallem.
Sidi l-Mulej fetaħli widinti,
u jiena ma webbistx rasi,
ma rġajtx lura.
Tajt dahri lil dawk li kienu jsawtuni,
ħaddejja lil dawk li kien jnittfuli lħiti;
ma ħbejtx wiċċi mit-tagħjir u l-bżieq.
Sidi l-Mulej jgħinni,
għalhekk ma nitħawwadx;
għalhekk għamilt wiċċi bħaż-żnied:
jien naf li ma jkollix mniex nistħi.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla

Salm 21 (22), 8-9.17-18a.19-20.23-24

R/. (2a): Alla tiegħi, Alla tiegħi, għaliex tlaqtni?

Dawk kollha li jarawni jidħku bija,
jgħajbuni, iħarrku rashom u jgħidu:
“F’idejn il-Mulej intelaq; ħa jeħilsu hu!
Ħa jsalvah hu, la bih jitgħaxxaq!” R/.

Qabda klieb daru għalija;
ġemgħa nies ħżiena rassewni.
Taqqbuli idejja u riġlejja;
nista’ ngħodd għadmi kollu. R/.

Ħwejġi jaqsmu bejniethom,
jaqtgħu x-xorti għal-libsa tiegħi.
Mulej, la titbegħidx minni;
qawwa tiegħi, fittex għinni! R/.


Inxandar ismek lil ħuti;
infaħħrek f’nofs il-ġemgħa.
Faħħru l-Mulej, intom li tibżgħu minnu;
sebbħuh ilkoll, nisel Ġakobb!
ibżgħu minnu lkoll, ulied Iżrael! R/.

Kristu ċekken lilu nnifsu; għalhekk Alla għollieh.
Fil 2, 6-11

Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Filippin

Ġesù Kristu li għad li kellu n-natura ta’ Alla,
ma qagħadx ifittex tiegħu li hu daqs Alla,
iżda xejjen lilu nnifsu billi ħa n-natura ta’ lsir,
sar jixbah lill-bnedmin, u deher minn barra bħala bniedem;
ċekken lilu nnifsu, billi obda sal-mewt,
anzi sal-mewt tas-salib.
Għalhekk Alla għollieh sas-smewwiet
u żejnu bl-isem li hu fuq kull isem,
biex fl-isem ta’ Ġesù
– fis-sema, fl-art u f’qiegħ l-art –
il-ħlejjaq kollha jinżlu għarkupptejhom,
u kull ilsien jistqarr:
“Ġesù Kristu hu l-Mulej”,
għall-glorja ta’ Alla l-Missier.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.

AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
Fil 2, 8-9

Glorja u tifħir lilek, Kristu!
Minħabba fina Kristu obda sal-mewt, anzi sal-mewt tas-salib.
Għalhekk Alla għollieh sas-smewwiet,
u żejnu bl-isem li hu fuq kull isem.
R/. Glorja u tifħir lilek, Kristu!

Imbierek is-Sultan li ġej f’isem il-Mulej!
Lq 19, 28-40

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

F’dak iż-żmien, Ġesù qabad it-triq u beda tiela’ lejn Ġerusalemm, miexi quddiem l-oħrajn. U meta wasal qrib Betfaġe u Betanja, ħdejn l-għolja li jgħidulha taż-Żebbuġ, bagħat tnejn mid-dixxipli tiegħu u qalilhom: “Morru fir-raħal ta’ biswitna; kif taslu, issibu felu marbut li ħadd qatt għadu ma rikeb fuqu. Ħolluh u ġibuh. Jekk xi ħadd jistaqsikom: “Għalfejn qegħdin tħolluh?”, għidulu hekk: “Il-Mulej għandu bżonnu”.

Dawk li kienu mibgħuta marru u sabu kollox kif kien qalilhom. Huma u jħollu l-felu, is-sidien tiegħu qalulhom: “Għalfejn qegħdin tħolluh il-felu?”. U huma wieġbu: “Għax il-Mulej jeħtieġu”.

Imbagħad ġiebu l-felu lil Ġesù, qiegħdu l-imnatar tagħhom fuq il-felu, u rikkbu lil Ġesù fuqu. Huwa u għaddej, firxu l-imnatar tagħhom fit-triq. Xħin imbagħad kien qorob lejn in-niżla tal-Għolja taż-Żebbuġ, il-kotra kollha tad-dixxipli bdiet tfaħħar lil Alla b’għajjat ta’ ferħ u b’leħen għoli għall-għeġubijiet kollha li kienu raw, u bdew jgħidu:

“Imbierek is-Sultan
li ġej f’isem il-Mulej!
Sliem fis-sema,
u glorja fl-ogħla tas-smewwiet!”

Xi wħud mill-fariżej li kienu qalb il-folla qalulu: “Mgħallem, ċanfarhom lid-dixxipli tiegħek!”. Iżda hu weġibhom u qal: “Ngħidilkom li, jekk jisktu huma, jgħajjat il-ġebel”.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Tifħir lilek, Kristu.

Għal verżjoni t-twila żur hawn.

  • Riflessjoni (Lq 19, 28-40)

    L-Evanġelista Luqa jiddedika parti sostanzjali mill-Evanġelju tiegħu (sa minn kapitlu 9 vers 51) lil Ġesù miexi lejn Ġerusalemm, il-post fejn kellu jmut għalina. Ir-rakkont tal-lum huwa proprju it-tmiem ta’ din il-mixja lejn Ġerusalemm għax naqraw il-wasla tiegħu ġewwa din il-Belt Qaddisa. Ġerusalemm, il-post li b’rieda sħiħa kien ilu jterraq lejh—jipprietka, jgħallem, iwissi u jfejjaq matul it-triq. Ġerusalemm, il-belt li minnha kellu jittieħed mid-dinja biex jirritorna għand Dak li bagħtu.

    Sa fl-aħħar wasal Ġerusalemm. Sa fl-aħħar dan il-vjaġġ ġie fi tmiemu. Id-determinazzjoni ta’ Ġesù li jwassal sal-aħħar ir-rieda tal-Missier tispikka kif naqraw li “Ġesù qabad it-triq u beda tiela’ lejn Ġerusalemm, miexi quddiem l-oħrajn.” Il-kotra kienet ilha tistennieh bi ħġarha. Kienet ilha tinġema’ fit-triqat sabiex tarah għaddej filwaqt li tgħajjat bil-ferħ u b’leħen għoli. Tassew:
  • laqgħuh u ferħu bih … iżda kliemu ma laqgħuhx;
  • firxu l-imnatar tagħhom fit-triqat minn fejn kellu jgħaddi … imma qalbhom ma kinitx mifruxa għalih;
  • laqgħu lil Dak li mar fosthom “f’isem il-Mulej” … imma l-kliem li qalilhom malajr nesewh.

    Tant hu hekk illi ftit wara din il-ġrajja, nerġgħu niltaqgħu mal-istess folla … imma did-darba tgħajjat, “Sallbu, sallbu.

    Dan kollu ma jistax ma jfakkarniex f’dak li għaddejna minnu f’Malta l-ġimgħa l-oħra.
  • Anke aħna, bħal Ġerusalemm, ilqajna fostna lill-Papa Franġisku li ġie fostna f’isem il-Mulej.
  • Anke aħna, bħal Ġerusalemm, inġbarna bi ħġarna fit-triqat li kellu jgħaddi minnhom sabiex imqar nilmħuh għaddej bi żbrixx.
  • Anke aħna, bħal Ġerusalemm, għajjatna u xejjirna l-bnadar sofor u bojod qalb bosta ċapċip.

Talba

Imma, Mulej, tħallix li bħall-ġemgħa f’Ġerusalemm jiena wkoll ma nilqax kliemek. X’jiswa li nilqa’ lilek u mbagħad ma nilqax kliemek? X’jiswa li nċapċaplek u noħodlok ir-ritratti jekk imbagħad ma nilqax dak li qed tgħidli fid-diskorsi li l-Papa għamel tul iż-żjara tiegħu Malta?

Mulej, nissel fija qalb miftuħa lesta tisimgħek.

Nissel fija qalb disponibbli lesta tinbidel.

Nissel fija rieda sħiħa u fidi sħiħa fik.  

Biex il-Papa ma jkunx ġie għalxejn.

Biex l-għajta tiegħi ma tinbidilx fi ftit jiem.