“Min fostkom hu bla dnub jitfgħalha hu l-ewwel ġebla”

It-5 Ħadd tar-Randan Sena Ċ

Kolletta

Nitolbuk, Mulej Alla tagħna; agħtina l-għajnuna tiegħek biex, bil-ħeġġa kollha ta’ qlubna, ngħixu b’dik l-istess imħabba li wriena Ibnek meta kien mogħti għall-mewt għalina. Hu, li hu Alla u miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, Alla, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

Sejjer nagħmel ħaġa ġdida biex nisqi l-poplu tiegħi.
Iż 43:16-21

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Iżaija

Dan jgħid il-Mulej,
li fetaħ triq fil-baħar,
mogħdija fl-ilmijiet qawwija;
dak li ħareġ karrijiet u żwiemel,
eżerċti u rġiel qalbiena f’daqqa;
inxteħtu fl-art, biex aktar ma qamux;
inħlew bħal ftila, u ntfew:
“La tiftakrux iżjed fi ġrajjiet l-imgħoddi;
la taħsbux fuq dak li ġara qabel.
Arawni, sejjer nagħmel ħaġa ġdida:
feġġet issa; għadkom ma ttendejtux?
Se niftaħ triq fix-xagħri,
xmajjar fid-deżert.
Ifaħħruni l-bhejjem selvaġġi,
ix-xakalli u wlied in-ngħam,
għax noħroġ l-ilma fix-xagħri,
xmajjar fid-deżert,
biex nisqi l-poplu tiegħi,
il-maħtur tiegħi,
il-poplu li sawwart għalija,
biex ixandar it-tifħir tiegħi”.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla

Salm 125(126):1-2ab,2ċd-3,4-5,6

R/.(3): Kbir f’għemilu l-Mulej magħna!

Meta l-Mulej reġġa’ lura l-imjassra ta’ Sijon,
konna qisna mitlufa f’ħolma;
imbagħad bid-daħk imtela fommna,
u bl-għajat ta’ ferħ ilsienna. R/.

Imbagħad bdew jgħidu fost il-ġnus:
“Kbir f’għemilu l-Mulej magħhom”.
Kbir f’għemilu l-Mulej magħna!
U aħna bil-ferħ imtlejna. R/.

Biddel, Mulej, xortina
bħall-widien tan-Negeb!
Dawk li jiżirgħu fid-dmugħ
jaħsdu bl-għana ta’ ferħ. R/.

Huma u sejrin, imorru jibku,
iġorru ż-żerriegħa għaż-żrigħ.
Iżda huma u ġejjin lura, jiġu b’għana ta’ ferħ,
iġorru l-qatet f’idejhom. R/.

Minħabba fi Kristu ridt li nitlef kollox.
Fil 3:8-14

Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Filippin

Ħuti, jiena ngħodd kollox bħala telf ħdejn il-qligħ kbir li hemm filli nagħraf lil Kristu Ġesù Sidi; minħabba fih ridt li nitlef kollox, u ngħodd kollox bħala knis, biex nirbaħ lil Kristu, u nkun ninsab fih; mhux għax għandi xi ġustizzja tiegħi, dik li tiġi permezz tal-Liġi, iżda dik li tiġi permezz tal-fidi fi Kristu, il-ġustizzja ġejja minn Alla u mibnija fuq il-fidi. Irrid nagħraf lilu u l-qawwa tal-qawmien tiegħu mill-imwiet, u naqsam miegħu t-tbatijiet tiegħu, u nsir nixbhu fil-mewt, biex jirnexxili nikseb il-qawmien mill-imwiet. M’iniex ngħid li jiena ġa ksibtu, jew li jien ġa perfett. Imma nross ’il quddiem biex naħtaf dan, bħalma Kristu Ġesù ġa ħataf lili. Ħuti, ma jidhirlix li dan ġa lħaqtu; imma ħaġa waħda ngħid: waqt li ninsa lil ta’ warajja kollu, jiena nagħmel ħilti kollha biex nilħaq dak li hemm quddiemi; niġri ’l quddiem lejn it-tmiem, biex nikseb il-premju li għalih Alla qed isejħilna hemm fuq fi Kristu Ġesù.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.

AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
Ġoel 2:12-13

Glorja u tifħir lilek, Kristu!
Erġgħu duru lejja bi qlubkom kollha, jgħid il-Mulej,
għax jien twajjeb u ħanin.
R/. Glorja u tifħir lilek, Kristu!

Min fostkom hu bla dnub jitfgħalha hu l-ewwel ġebla.
Ġw 8:1-11

Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann

F’dak iż-żmien, Ġesù telaq lejn l-Għolja taż-Żebbuġ. Imma l-għada qabel is-sebħ raġa’ mar fit-tempju, u l-poplu kollu ġie ħdejh, u hu qagħad bilqiegħda jgħallimhom. Imbagħad il-kittieba u l-Fariżej ħadulu quddiemu waħda mara li kienet inqabdet fl-adulterju. Huma qegħduha fin-nofs u qalulu: “Mgħallem, din il-mara nqabdet fil-fatt fl-adulterju. Issa fil-Liġi tagħna Mosè ordnalna biex nisa bħal dawn inħaġġruhom. Int, imma, xi tgħid?”. Dan qaluhulu biex iġarrbuh, ħalli jkollhom fuqiex jixluh.

Imma Ġesù tbaxxa lejn l-art u beda jikteb b’sebgħu fit-trab. Billi dawk baqgħu jistaqsuh, qam dritt u qalilhom: “Min fostkom hu bla dnub jitfgħalha hu l-ewwel ġebla”. U raġa’ tbaxxa jikteb fit-trab. Kif semgħuh jgħid dan, qabdu u telqu wieħed wara l-ieħor, ibda mix-xjuħ.

Ġesù baqa’ waħdu mal-mara, wieqfa fin-nofs. Qam dritt u qalilha: “Dawk fejnhom, mara? Ħadd minnhom ma kkundannak?”. “Ħadd, Sinjur”, qaltlu. “Mela anqas jien ma nikkundannak”, qalilha Ġesù. “Mur, u mil-lum ’il quddiem tidnibx iżjed”.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Tifħir lilek, Kristu.

Riflessjoni

L-Evanġelju li tippreżentalna l-Knisja għal dan il-Ħames Ħadd tar-Randan jistedinna biex nagħrfu li aħna lkoll midinbin maħbuba minn Alla ħanin.

“Min fostkom hu bla dnub jitfgħalha hu l-ewwel ġebla” (v. 7). Id-dnub huwa dejjem dnub, kemm dak li hu pubbliku kif ukoll dak li hu mistur. Il-kittieba u l-Fariżej waqgħu għat-tentazzjoni li jużaw lil din il-mara li nqabdet fl-adulterju biex iġarrbu lil Ġesù quddiem il-poplu kollu (v. 2), “ħalli jkollhom fuqiex jixluh” (v. 6). Huma ppruvaw jonsbu lil Ġesù billi joħolqu sitwazzjoni ta’ konflitt bejn it-tagħlim tiegħu u l-Liġi li tahom Mosè: “Int, imma, xi tgħid?” (v. 5). Ġesù ma daħalx f’dibattitu magħhom, iżda wieġeb bis-silenzju, u wara skiet li jtarrax huwa xeħet raġġ ta’ dawl fuqhom ilkoll biex huma jagħrfu dak li kien hemm moħbi f’qalbhom: “Min fostkom hu bla dnub jitfgħalha hu l-ewwel ġebla” (v. 7).

Min minna hu bla dnub? Kemm-il darba ħsibna li jekk m’aħniex aħjar minn ħaddieħor għall-anqas m’aħniex agħar? Kemm-il darba aħna wkoll konna bil-ġebel f’idejna, lesti biex ingarawhom lejn l-oħrajn?

Fil-bidu ta’ dan ir-rakkont, ħdejn Ġesù kien hemm il-poplu kollu (v. 2), imbagħad ingħaqdu l-kittieba u l-Fariżej li ħadulu quddiemu lil mara li nqabdet fid-dnub. L-evanġelista jgħidilna li għal kelma ta’ Ġesù, “telqu wieħed wara l-ieħor, ibda mix-xjuħ, u baqa’ Ġesù waħdu mal-mara, wieqfa fin-nofs” (v. 9). Santu Wistin jgħidilna: “Baqgħu biss huma t-tnejn: il-miżerja u l-ħniena.” Ġesù jidħol fi djalogu mal-mara u jroddilha lura d-dinjità tagħha. Mhux biss, imma bl-imħabba u l-ħniena tiegħu, Ġesù jħassar ħtijietha u joffrilha ħajja ġdida: “‘Dawk fejnhom mara? Ħadd minnhom ma kkundannak?’ ‘Ħadd, Sinjur,’ qaltlu. ‘Mela anqas jien ma nikkundannak. Mur, u mil-lum ’il quddiem tidnibx iżjed.’” (v. 10-11).

Jekk irridu nkunu sinċieri magħna nfusna għandna nammettu li aħna lkoll midinbin. Dan ir-Randan ikun żmien tassew ta’ grazzja għalina jekk nerħu l-ġebel, u minflok ma naraw id-dnub tal-oħrajn inpoġġu ruħna fis-skiet ma’ Ġesù waħdu u nħalluh idawlilna l-kuxjenza tagħna. Ġesù jrid jeħlisna mill-miżerja tagħna biex ngħixu fl-imħabba u l-paċi tiegħu: “Mur, u mil-lum ’il quddiem tidnibx iżjed” (v. 11).

Talba

Minn qiegħ l-art insejjaħlek Mulej:

isma’, Sidi, il-leħen tiegħi!

Ħa jkunu widnejk miftuħa,

jiena u nitolbok bil-ħniena.

Jekk tal-ħtijiet int tagħti kas, Mulej,

Sidi, min jista’ jżomm sħiħ?

Imma għandek hemm il-maħfra,

biex hekk inqimuk fil-biża’ tiegħek.

Jien lill-Mulej nistenna,

ruħi f’kelmtu tittama. (Salm 130, 1-5)