L-uffiċċju tal-qari, illum il-Ħamis 19 ta’ Awwissu
Salmodija
Ant. 1: Ma kienx bi driegħhom li kisbu r-rebħa; kienet il-leminija tiegħek u d-dija ta’ wiċċek.
Salm 43 (44)
(I) Il-poplu mġarrabF’dan kollu aħna, noħorġu tassew rebbieħa bis-saħħa ta’ dak li ħabbna. (Rum 8:37)
O Alla, b’widnejna aħna smajna, * qaluhulna missirijietna, dak li int għamilt fi żmienhom, * li għamilt b’idek fiż-żmien l-imgħoddi. Il-ġnus keċċejt, u lilhom ħawwilt f’arthom; * il-popli għakkist, u lilhom frixt bħal friegħi.
Ma kienx b’sejfhom li huma ħadu l-art, * jew bi driegħhom li kisbu r-rebħa; kienet il-leminija tiegħek u d-driegħ tiegħek, * u d-dija ta’ wiċċek, għax int ħabbejthom.
Inti s-sultan tiegħi u Alla tiegħi, * li tajt ir-rebħa lil Ġakobb. Bik nitfgħu lura l-għedewwa tagħna, * f’ismek nirfsu fuq dawk li jqumu għalina.
Għax mhux fl-ark tiegħi jien nafda, * anqas is-sejf tiegħi ma jrebbaħni. Imma int teħlisna mill-għedewwa tagħna, * u tfixkel ’il dawk li jobogħduna. F’Alla niftaħru l-ħin kollu; * ismek infaħħru għal dejjem.