Ant. 1: Bierek, ruħ tiegħi, il-Mulej, u la tinsiex il-ġid kollu li għamel miegħek.
Salm 102 (103)
(I) Tifħir ’l Alla għal tjubitu
Fil-qalb ħanina tiegħu, Alla ġie jżurna bħax-xemx tielgħa. (Lq 1:78)
Bierek, ruħ tiegħi, il-Mulej; * b’qalbi kollha nbierek l-isem qaddis tiegħu. Bierek, ruħ tiegħi, il-Mulej, * u la tinsiex il-ġid kollu li għamel miegħek.
Hu li jaħfer dnubietek kollha; * ifejjaq il-mard tiegħek kollu; jifdi lil ħajtek mill-qabar; * iħaddnek bit-tjieba u l-ħniena; ixabba’ bil-ġid is-snin ħajtek, * u bħal tal-ajkla tiġġedded żgħożitek.
Il-Mulej jagħmel is-sewwa, * u l-ħaqq mal-maħqurin kollha. Hu għarraf lil Mosè l-ħsieb tiegħu, * u l-għemejjel tiegħu lil ulied Iżrael.