Mulej, filgħodu int tisma’ leħni

 

Tifħir ta’ sbiħ il-jum, illum it-Tnejn 5 ta’ Ġunju 2023.

Salm 5:2-10,12-13

Talba ’l Alla filgħodu għall-għajnuna
Il-Verb jgħammar f’dawk li jilqgħuh, u jkun għalihom għajn ta’ hena għal dejjem. 

Mulej, agħti widen għal kliemi; *
agħti kas tat-tnehid tiegħi.
Isma’ l-għajat tat-talb tiegħi, †
Sultan tiegħi u Alla tiegħi, *
għax lilek jiena nitlob. 

Mulej, filgħodu int tisma’ leħni, *
filgħodu nressaqlek talbi, u nistenna.
Għax int m’intix Alla li tħobb il-ħażen; *
il-ħażin ma jsibx postu għandek.
Ma jiqfux il-kburin quddiem għajnejk; †
int tobgħod kull min jagħmel id-deni; *
int teqred min jitkellem bil-gideb. 

Nies qattiela u qarrieqa *
jistmellhom il-Mulej.
Imma jien għat-tjieba kbira tiegħek *
nista’ nidħol ġewwa darek;
ninxteħet quddiem is-santwarju mqaddes tiegħek, *
mimli bil-biża’ tiegħek. 

Mexxini, Mulej, fis-sewwa tiegħek
minħabba l-għedewwa tiegħi; *
wittili t-triq tiegħek quddiemi.
Is-sewwa mhuwiex fuq fommhom, *
qalbhom bil-ħażen mimlija; 

ħalqhom bħal qabar miftuħ, *
imellsu biss bi lsienhom.
Ħa jifirħu dawk li jafdaw fik, *
u jithennew għal dejjem;
ħarishom, u bik jithennew *
dawk li jħobbu ’l ismek.
Għax int tbierek il-ġust, Mulej; *
int tħaddnu bħal tarka bi tjubitek. 

Glorja.

Ant. 1: Lilek jien nitlob, Mulej; filgħodu inti tisma’ leħni.

Ant. 2: Infaħħruk, Alla tagħna, u nsebbħu l-isem glorjuż tiegħek.

Kompli itlob billi żżur is-Salmi tal-ġurnata fuq https://brevjar.knisja.mt/