Dak li safa’ mniżżel mal-qiegħa tal-art
Ir-Raba’ Riflessjoni dwar l-Apsidi tal-Kappellun tal-Kurċifiss, iż-Żejtun
Iżda hu kien miġruħ minħabba fi dnubietna,
misħuq minħabba fi ħżunitna.
Għas-saħħa tagħna waqa’ l-kastig fuqu,
u bis-swat tiegħu sibna l-fejqan tagħna.
Isaija 53, 5
It-tielet profezija dwar il-passjoni tal-Mulej, li nsibu rrappreżentata fl-apsidi fuq l-altar tal-Kurċifiss fil-Knisja Arċipretali taż-Żejtun, hija meħuda mill-Profeta Għabdija, ir-raba’ wieħed mill-Profeti ż-Żgħar. Ftit li xejn nafu dwar dan il-profeta—impitter bilqiegħda f’riġlejn is-Sultan David—li jirrakkuntalna viżjoni waħda li kellu dwar il-qerda ta’ Edom u l-miġja ta’ Jum il-Mulej. X’aktarx wettaq il-missjoni tiegħu wara l-Eżilju f’Babilonja, għall-ħabta tal-ħames seklu QK. L-isem Għabdija jfisser “dak li jqim/jadqi lill-Mulej,” isem komuni f’Iżrael tal-qedem.
Minn dan il-ktieb b’kapitlu wieħed, l-artist jieħu l-frażi: QUIS DETRAHET ME IN TERRAM? Bil-Malti tiġi: “Min se jniżżilni fl-art?” (Għab 1, 3). Fil-kuntest tax-xena allegorika li qegħdin nikkontemplaw, din il-frażi hija meħuda kompletament barra mill-kuntest tagħha u applikata għal Ġesù li bħal donnu qed jistaqsi min—jew, possibbilment, għalfejn—qed iniżżluh mal-qiegħa tal-art.
Din l-umiltà ta’ Kristu tikkuntrasta bil-kbir il-kburija ta’ Edom li dwarha l-Profeta Għabdija jħabbar hekk:
Il-qalb imkabbra tiegħek qarrqet bik,
inti li tgħammar fl-għerien tal-blat,
li għandek l-għamara tiegħek fl-għoli,
inti li f’qalbek tgħid:
“Min se jniżżilni fl-art?”
Imqar jekk tibqa’ togħla ’l fuq daqs ajkla,
u fost il-kwiekeb tpoġġi l-bejta tiegħek,
minn hemm ukoll inġarrfek,
oraklu tal-Mulej.
Għabdija 1, 3-4
Kemm nitfantsu meta l-kburija tagħna tinġieb fix-xejn mill-kburija ta’ ħaddieħor jew mill-medjokrità tagħna stess. Imma, filwaqt li aħna ma naċċettawx li nitniżżlu mal-art, il-Mulej Ġesù ma stmerrx li jiċċekken u jiġi miġjub fix-xejn għall-imħabba tagħna. Bħal Għabdija, itfa’ ħarstek fuq il-Mulej u ħalli l-umiltà tiegħu, flok il-kburija fiergħa tiegħek, tmexxik għax hekk biss tista’ toħroġ tassew għal kollox rebbieħ.