Dawk li stennew u raw
Is-Sitt Riflessjoni dwar il-pitturi tal-Koppla tal-Bażilika Kolleġġjata ta’ Santa Elena, Birkirkara
Lilu ħabbru l-profeti kollha fix-xandir tagħhom,
l-Omm verġni rabbietu bl-akbar għożża.
Ġwanni ħabbru b’tifħir meta qorob u wrieh meta wasal.
Hu qiegħed jagħtina li bil-ferħ nitħejjew għall-misteru tat-twelid tiegħu,
biex isibna nishru u nitolbu, u nithennew fit-tifħir tiegħu.
Missal Ruman, It-Tieni Prefazju tal-Avvent
Hekk kif tgħolli l-ħarsa ’l fuq, lejn il-koppla tal-Bażilika ta’ Santa Elena, fuq il-lemin tal-figura imponenti ta’ Kristu, fuq nett, fl-istess livell fejn hemm l-appostli, tista’ tilmaħ lil Ġwanni l-Battista, lil Marija u lil Ġużeppi. Dawn it-tliet figuri huma ċentrali għar-Raba’ Ħadd tal-Avvent għax, fuq ċiklu ta’ tliet snin, naqraw il-ħolma ta’ Ġużeppi, it-tħabbira tal-Anġlu Garijel lil Marija, u l-laqgħa bejn Marija u Eliżabetta li f’ġufhom kienu qed iġorru lil Ġesù u lil Ġwanni rispettivament.
Dawn it-tliet figuri huma bħal fus bejn it-Testment il-Qadim u t-Testment il-Ġdid għax huwa proprju permezz tagħhom li l-Messija mwiegħed jitwieled u jintwera lill-poplu tal-wegħda. It-tlieta li huma wkoll qegħdin iħarsu f’direzzjoni differenti, skont is-sehem tagħhom fil-misteru ta’ Alla li jsir bniedem. Ġwanni l-Għammiedi, bl-istandart f’idu ix-xellugija li jġib il-kliem “Ecce Agnus Dei” (Dan hu l-Ħaruf ta’ Alla), qiegħed iħares ’il fuq, iktar milli tasal il-pittura, bħal donnu lejn ix-xena tas-smewwiet miftuħa, id-dehra tal-Ispirtu s-Santu taħt forma ta’ ħamiema, u l-leħen tal-Missier jgħid, “Inti Ibni l-għażiż; fik sibt l-għaxqa tiegħi” (Lq 3, 22).
Ġużeppi qiegħed iħares bi drittu, lejn il-figura ta’ Kristu fil-glorja tiegħu, jikkontempla lil dak li salva l-poplu tiegħu minn dnubiethom (ara Mt 1, 21). Mill-banda l-oħra, Marija għandha l-ħarsa tagħha ’l isfel. Għandha wkoll idejha miftuħin ’l isfel, bħal donnhom ta’ omm li qed tiġġebbed biex taqbad it-tarbija tagħha. Din il-qagħda ta’ Marija inklinata quddiem Kristu u lejn dawk li daħlu fil-glorja hija espressjoni tas-sehem li Kristu ta lil Ommu fil-misteru tal-fidwa, jiġifieri dik li tkun Omm il-Feddej u Omm il-mifdijin kollha.
Filwaqt li joffrilek id-don tas-salvazzjoni, lilek ukoll jagħtik sehem fis-salvazzjoni tad-dinja. Agħraf din ir-realtà doppja tiegħek u, fid-dawl tal-qagħda tiegħek fil-Knisja u fis-soċjetà, ipprova ifhem ftit iktar kif din il-missjoni ta’ salvazzjoni tista’ tkompli twettaqha llum.
Ħajr lil Daniel Cilia għar-ritratti.