Għażżien daqs is-sejf ta’ San Pawl
It-Tieni Riflessjoni dwar il-Fejqan ta’ Missier Publju fil-Katidral tal-Imdina
Fin-naħa ta’ fuq tal-pittura, Preti jpitter anġlu ċkejken li qed jipprova jżomm f’idejh xabla u ktieb mingħajr ma jwaqqagħhom, waqt li jibqa’ jtir fil-għoli b’ħarstu mmirata lejn San Pawl. Jista’ jkun li kien jeħtieġ par ġwenħajn ikbar u dirgħajn itwal biex seta’ jżomm dak il-piż b’iktar kumdità. Imma, fl-istess ħin, filwaqt li jinkludi s-simboli ikonografiċi li kkaratterizzaw ix-xbieha ta’ Pawlu sa miż-żminijiet tan-nofs, xorta waħda Preti ma riedx li dan l-anġlu ħlejju jisraq l-attenzjoni kollha.
Kemm ix-xabla u kif ukoll il-ktieb ifakkruna fiż-żewġ fażijiet tal-ħajja ta’ Pawlu, immarkati minn xulxin bl-esperjenza fit-triq lejn Damasku. Ix-xabla u l-ktieb ifakkruna fil-passat ta’ Pawlu bħala persekutur tal-Insara u bħala Fariżew mogħti għal kollox għall-istudju tal-Liġi miktuba fil-Kotba Mqaddsa. Wara l-konverżjoni tiegħu, ix-xabla qattiela nbidlet fix-“xabla tal-Ispirtu li hi l-kelma ta’ Alla” (Ef 6, 17) u l-ktieb huwa simbolu tal-ittri li kiteb lil diversi komunitajiet Insara madwar il-Mediterran. Fil-Malti fil-fatt għandna l-idjoma “għażżien daqs is-sejf ta’ San Pawl” li tintuża għal xi ħadd għażżien jew li jħobb ipappiha, proprju għax wara l-konverżjoni tiegħu x-xabla ma baqax jużaha.
Għalkemm mhijiex attribwita lil San Pawl, din is-simboloġija ma tistax ma tfakkarniex f’dak li nsibu fl-Ittra lil-Lhud:
Il-kelma ta’ Alla hi ħajja u qawwija, taqta’ aktar minn xabla b’żewġt ixfar; hija tinfed sa tifred minn xulxin ir-ruħ u l-ispirtu u l-ġogi u l-mudullun; u tgħarbel il-ħsibijiet u l-fehmiet tal-qalb. Xejn ma hemm fil-ħolqien li hu moħbi għalih, imma kollox hu miftuħ għal għajnejn Alla, li lilu rridu nagħtu kont.
Ittra lil-Lhud 4, 12-13
Nafu li quddiem ix-xabla ta’ Kelmet Alla aħna ninsabu għarwenin u mingħajr protezzjoni hekk li twassalna għall-għarfien sħiħ tagħna nfusna u ta’ min jeħtieġ li nkunu quddiem Alla u quddiem il-bnedmin. Is-sejf għażżien ta’ San Pawl ipoġġilek quddiemek din l-isfida: X’tip ta’ xabla tixtieq tkun? Xabla ta’ firda u vjolenza li sfortunatament tagħmel ħafna ħsara lill-għaqda tal-poplu ta’ Alla stess, aħseb u ara qalb il-ġens tagħna? Jew xabla li tinfed fil-fond u tasal sal-qalba tal-misteru ta’ Alla u tal-bniedem li hemm quddiemek hekk li ma tibqax tarah bħala avversarju imma bħala ħuk, oħtok, xi ħadd li jeħtieġ l-attenzjoni u t-tidwija tiegħek?