Ġwanni ġie biex jixhed għad-dawl
Ir-Raba’ Riflessjoni dwar il-pittura tal-Qtugħ ir-Ras ta’ San Ġwann ta’ Caravaggio
Kien hemm raġel mibgħut minn Alla,
jismu Ġwanni.
Dan ġie bħala xhud,
biex jixhed għad-dawl,
biex bih kulħadd jemmen.
Ġwanni ma kienx id-dawl,
imma ġie biex jixhed għad-dawl,
dak id-dawl veru,
li jdawwal kull bniedem,
huwa u ġej fid-dinja.
Ġwanni 1, 6-9
Waħda mill-karatteristiċi tipiċi tal-opri Karavaġġeski hija l-użu tat-teknika chiaroscuro, fejn jilgħab ħafna bejn id-dlam fl-isfond u d-dawl fuq il-figuri ċentrali, bejn il-kuluri skuri u dawk iktar jgħajtu. Id-dawl bħal donnu ġej mill-kantuniera tax-xellug u tiffoka fuq Ġwanni, bil-konsegwenza li jiddawlu wkoll il-figuri l-oħra ta’ madwaru. U dan jaqbel ħafna mal-figura profetika ta’ Ġwanni li, kif jgħid Ġesù, “kien musbieħ jixgħel u jiddi” (Ġw 5, 35). Fl-istess waqt, id-dehra mdawla u serena ta’ Ġwanni turi l-paċi tal-qalb ta’ xi ħadd li jaf li wettaq il-missjoni tiegħu li juri l-Messija lill-poplu.
L-istess jgħodd għall-użu tal-kulur qawwi aħmar li nsibuh użat ukoll, pereżempju, fil-pittura ta’ San Ġlormu tal-istess artist u li hi wkoll preżentament miżmuma fl-istess oratorju fejn tinsab din ix-xena mdaqqsa li qegħdin nikkontemplaw. Dan il-logħob bid-dawl u d-dlam jikxef it-taqtigħa li sseħħ fl-artist u f’kull bniedem bejn it-tajjeb u l-ħażin, bejn id-dnub u l-grazzja, bejn li nkunu ulied id-dawl jew ulied id-dlam (ara 1 Tess 5, 5).
Karatteristika oħra tipika ta’ Caravaggio hija li x-xena ma tiżvolġix fiċ-ċentru imma kemxejn lejn il-ġenb—bħalma Ġwanni l-Battista ġie mogħti l-ġenb minħabba fil-fedeltà tiegħu sal-aħħar għall-verità—u, għajr għat-tieqa biż-żewġ figuri jittawlu minnha, il-bqija tal-pittura hija vojta, imkeffna fid-dell.
Anke l-ħajja tagħna hija taħlita ta’ dawl u dlam. Hemm irkejjen tal-ħajja tagħna li huma mdawla, li jafhom kulħadd u anke aħna nagħrfuhom, filwaqt li hemm irkejjen li ma jarahom ħadd ħlief aħna, jew li aħna ma narawhomx u oħrajn jilmħuhom. Iżda Dak li jara dak li hemm fil-moħbi, jara sal-qiegħ ta’ ruħ il-bniedem permezz tad-dawl li jixħet hu, li ma jħalli xejn fid-dlam. Kemm inti konxju tal-irkejjen differenti tal-ħajja tiegħek? Tħalli dawl il-Mulej jinfed sal-ifnad qigħan, ukoll jekk l-għarfien li dan iġib miegħu nħossuh jgħaffiġna? Agħraf bħala mument ta’ grazzja meta x-Xemx tal-ġustizzja tikxef għad-dawl quddiemek lil ruħek stess, għax mhux tixlik tkun qiegħda imma tiftaħlek it-triq ’il barra mill-ħabs għal-libertà sħiħa tal-ulied maħbuba.