It-Tieni Riflessjoni: Sant’Anna tikkontempla l-privileġġi tal-Verġni Marija, ta’ Francesco Zahra
Ilqa’ l-“Ave” li bil-qima
Gabrijel qed isemmagħlek,
ibdel fiha l-isem t’Eva
ħalli jerġa’ s-sliem fid-dinja.
Ave Maris Stella, Komun tal-Madonna, Innu tal-Għasar
F’dan il-kwadru, li jmur lura għat-tieni nofs tas-seklu tmintax, jispikka l-istil barokk ta’ Francesco Zahra. Ix-xena tiżvolġi f’ambjent elaborati (bħal donnu xi awla ta’ palazz) li safa’ mimli bi sħaba u għadd ta’ anġli. Fl-isfond fuq in-naħa tal-lemin, wara dahar Sant’Anna, insibu l-Anġlu Gabrijel (akkumpanjat minn puttin) bil-ġilju f’idu (xbieha tas-safa ta’ Marija) li qiegħed jisħaq b’riġlu lix-xitan filwaqt li jwiddbu b’sebgħu l-werrej tal-lemin. Dan il-grupp ta’ figuri jfakkarna fil-vers li nsibu fir-rakkont tal-waqgħa ta’ Adam u Eva, u li t-tradizzjoni nisranija tirreferi għalih bħala l-Proto-Evanġelju proprju għax fih tara l-ewwel referenza fil-Kelma ta’ Alla għall-aħbar it-tajba tas-salvazzjoni: “hu jagħmel għal rasek u int tagħmel għal għarqubu” (Ġen 3, 15). Għalkemm fis-skiet ta’ ġuf Marija bdiet isseħħ din ir-rebħa sa ma seħħet b’mod definittiv bil-mewt u l-qawmien tal-Iben ta’ Alla magħmul bniedem, mimli bil-korla u l-għira, id-Dragun għadu jagħmel gwerra mal-bqija ta’ wlied il-Mara liebsa x-xemx, “ma’ dawk li jħarsu l-preċetti ta’ Alla u li għandhom ix-xhieda ta’ Ġesù” (Apok 12, 17).
Fejn inħoss fil-ħajja tiegħi li l-iktar qiegħda sseħħ din it-taqbida? Nitlob lil Alla li jnissel fija l-fiduċja fir-rebħa tat-tajjeb fuq il-ħażin li diġà seħħet, sabiex hekk fil-qalb tiegħi wkoll tkompli titwettaq sal-aħħar.