Il-Baqra u l-Ħmara
L-Ewwel Riflessjoni dwar l-Arazz tal-Adorazzjoni tar-Rgħajja
“Il-gendus jagħraf lil sidu,
u l-ħmar il-maxtura ta’ sidu;
imma Iżrael ma jagħrafx,
il-poplu tiegħi ma jifhimx.”
Isaija 1, 3
Għalkemm l-Avvent mhuwiex sempliċiment tħejjija għaċ-ċelebrazzjoni tal-Milied—l-ewwel miġja ta’ Kristu fid-dinja—imma jibda billi jiffoka fuq il-miġja li għad trid isseħħ fl-aħħar taż-żminijiet u s-sejħa għall-konverżjoni marbuta magħha, f’dawn l-erba’ ġimgħat se nħarsu lejn l-arazz tal-Kon-Katidral ta’ San Ġwann li jirrappreżenta l-Adorazzjoni tar-Rgħajja. L-għan hu li l-qagħda tal-karattri differenti li jiffurmaw ix-xena jiftħulna tieqa fuq kif għandha tkun il-qagħda tagħna quddiem Kristu, il-bidu u t-tmiem, li daħal fl-istorja u li fl-istess waqt lejh miexja l-ġrajja tagħna u tad-dinja.
Żewġ karattri tipiċi tax-xeni tan-nattività u tal-presepji tagħna huma bla dubju l-baqra u l-ħmara: il-ħmara li serviet bħala mezz ta’ trasport minn Nazaret għal Betlehem, u l-baqra li kienet fl-istalla fejn kellu jitwieled Ġesù “għax ma kienx hemm post għalihom fil-lukanda” (Lq 2, 7). Din it-tradizzjoni ma nsibuhiex fl-Evanġelji imma hija pjuttost bikrija fl-istorja tal-arti tal-Knisja u hi marbuta mal-profezija ta’ Isaija fejn jiġbed widejn il-poplu li għażel li jinjora lil Alla f’kuntrast mal-gendus u l-ħmar li jagħrfuha l-maxtura ta’ sidhom u jersqu lejha biex minnha jieħdu l-ħajja (ara Is 1, 3). Waħda mill-eqdem rappreżentazzjonijiet tagħhom ġiet skolpita fir-raba’ seklu fis-sarkofagu ta’ Stiliku li jinsab fil-Knisja ta’ San Ambroġ, Milan.
F’dan l-arazz naraw kif, flimkien ma’ Marija u Ġużeppi, il-baqra u l-ħmara huma l-ewwel adoraturi ta’ Ġesù: il-baqra bħal donnha tinsab f’qagħda ta’ prostrazzjoni filwaqt li l-ħmar qed iħares b’reverenza lejn il-maxtura bla ma jersaq lejha biex jiekol minnha. Għax, tassew, kif iħabbar Isaija, dawn il-bhejjem u magħhom il-bqija tal-ħolqien ‘jagħrfu’ l-maxtura ta’ sidhom. Xi ftit din il-qagħda tfakkarna f’dak li jikteb San Pawl lir-Rumani:
Aħna nafu li l-ħolqien kollu għadu s’issa jitniehed bl-uġigħ tal-ħlas; u mhux hu biss, imma wkoll aħna li għandna l-ewwel frott tal-Ispirtu, aħna wkoll nitniehdu fina nfusna waqt li nistennew l-adozzjoni ta’ wlied, il-fidwa ta’ ġisimna.
Rumani 8, 22-23
Wara li Alla nnifsu sar ħlejqa, il-ħolqien jitniehed billi jimxi mal-ordni mogħti lilu mill-Ħallieq sakemm ikun laħaq l-għan tiegħu meta kollox jerġa’ lura mill-għajn li minnha ħareġ u li minnha tqaddes wara li daħlet id-diżordni permezz tad-dnub. U aħna wkoll, fit-tħabrik tagħna bħala sħab ma’ Alla fit-tmexxija tal-ħolqien, nissieħbu f’dan it-tnehid sakemm is-salvazzjoni tagħna sseħħ b’mod sħiħ bħala bnedmin sħaħ—ruħ u ġisem—fuq ix-xbieha ta’ Kristu Rxoxt li ma ċaħadx il-ġisem uman anke wara r-ritorn tiegħu fuq il-lemin tal-Missier.
Konxju li fit-tħabrik tiegħek jeħtieġ li tħejji għall-miġja ta’ Kristu permezz ta’ bini ta’ dinja aħjar? Konxju li l-ħolqien hu qaddis inkwantu huwa xogħol idejn Alla u allura jeħtieġ li tersaq lejh b’reverenza u tużah b’mod tajjeb sabiex tħalli ambjent aħjar għal ġenerazzjonijiet futuri?