Il-ħolm tax-xjuħ u d-dehra taż-żgħar
It-Tielet Riflessjoni dwar l-Arazz tal-Adorazzjoni tar-Rgħajja
Wara dan, jiġri
li jiena nsawwab l-Ispirtu tiegħi fuq il-ħlejjaq kollha.
Uliedkom iħabbru, subien u bniet,
ix-xjuħ tagħkom ikollhom ħolm,
iż-żgħażagħ tagħkom jaraw viżjonijiet.
Ġoel 3, 1
Wara li fl-aħħar riflessjoni rajna d-dehra kurjuża tal-qamar, element ieħor li jidher li hu pekuljari għal dan l-arazz huwa t-tliet figuri li jidhru deħlin fl-istalla, jiġifieri xwejjaħ u xwejħa akkumpanjati—anzi miġbuda u ggwidati—minn tfajjel ċkejken. Dawn it-tliet figuri huma xi ftit distinti mill-bqija tal-figuri mdawrin ma’ Ġesù—anke għax l-anzjanità u ċ-ċokon jagħmluha iktar diffiċli biex ilaħħqu mal-pass tal-oħrajn. Imma dan jagħti lok għal riflessjoni dwar dawn il-figuri distinti minn dik dwar ir-rgħajja li se niffukaw fuqhom fir-riflessjoni li jmiss.
B’mod allegoriku nistgħu ngħidu li l-passat u l-futur qegħdin jidħlu quddiem dak li hu eternament fil-preżent sabiex f’dik it-tarbija li twelidha mmarka kif jitkejjel iż-żmien—qabel Kristu u wara Kristu—isibu l-qofol u l-milja tagħhom għax il-fidwa hi għal kulħadd, kemm għal dawk li ġew qabel u kif ukoll għal dawk li kienu għadhom iridu jiġu fid-dinja.
Tistħajjilhomx ix-xwejħin Xmun u Anna mmexxija minn dak li hu d-Dawl tal-ġnus għall-mistrieħ tagħhom fis-serenità ta’ dawk li ħallew kollox fl-ordni warajhom u jistgħu jistrieħu fis-sliem għax iħarsu lejn it-tmiem bħala bidu u l-mewt bħala twelid għall-eternità? Tistħajjilhomx rappreżentazzjoni grafika tal-profezija ta’ Ġoel, li tidher iktar ’l fuq, fejn il-ħolm u x-xenqa tal-passat tiġi mxebba’ u l-ħerqa għall-ġejjien iktar tikbes bid-dehra tal-Iben ta’ Alla fostna?
Min jaf! Bl-immaġinazzjoni tista’ timraħ fejn trid. Imma l-ħolm tax-xjuħ u d-dehra taż-żgħar mhijiex immaġinazzjoni imma realtà konkreta li tista’ tissarraf f’ħarsa lura kollha mrar u diżappunti u qtigħ il-qalb u ċiniċiżmu li lanqas għandhom is-saħħa jħarsu ’l quddiem. Imma tista’ tissarraf fi tħaddin tar-realtà kif inhi u s-serenetà li dan iġib miegħu, u viżjoni li ma tibżax timraħ lejn orizzonti mbiegħda bit-tama f’dak li hemm jistenniena.
X’se tagħżel? Huwa possibbli l-ferħ veru li jiġi mill-Mulej biss, imma jeħtieġ li tidħol fl-istalla-maqjel tar-realtà konkreta u tagħżel li tixba’ biss b’dak li hemm fil-maxtura jistennik.