Il-Verità, l-Imħabba u l-Ferħ
Meta twieled Ġesù f’Betlehem tal-Lhudija, fi żmien is-sultan Erodi, xi maġi mil-lvant ġew Ġerusalemm jistaqsu: “Fejn hu dak li twieled sultan tal-Lhud? Għax rajna l-kewkba tiegħu tielgħa, u ġejna nqimuh.” … Meta mbagħad daħlu d-dar u raw lit-tifel ma’ ommu Marija, inxteħtu fl-art iqimuh; fetħu t-teżori tagħhom u offrewlu rigali deheb, inċens u mirra.
Mattew 2, 1-2. 11
Minkejja li ħafna mix-xogħlijiet li nsibu fil-Kon-Katidral ta’ San Ġwann huma ta’ Mattia Preti, il-Kavallieri tal-lingwa Ġermaniża fl-1667 qabbdu lil Stefano Erardi jpitter it-titular ta’ dan l-altar u kif ukoll iż-żewġ lunetti fuq il-lemin u x-xellug tal-altar fil-għoli.
Ir-rabta tal-poplu Ġermaniż mal-ġrajja tat-Tliet Maġi hija waħda kważi millenarja. Jingħad li, matul il-vjaġġi tagħha fil-Lvant Nofsani, wara ħafna taħbit Santa Elena rnexxiela ssib l-iġsma tat-tliet maġi. Fi triqtha lura, ħalliet dawn ir-relikwi fil-Knisja tal-Hagia Sophia f’Kostantinopli. Jingħad li fis-sena 344 dawn ir-relikwi ngħataw lill-Isqof ta’ Milan Ewstroġju I u tpoġġew f’bażilika li nbniet sabiex jinżammu fiha dawn ir-relikwi.
Tmien sekli wara, fl-1164, l-Imperatur Frederiku Barbarossa ta r-relikwi lill-Arċisqof ta’ Kolonja, Reinald von Dassel, wara li għenu biex jerġa’ jieħu kontroll politiku fuq il-poplu ribelli ta’ Milan. Dawn ir-relikwi jiġbdu lejhom ħafna pellegrini minn madwar id-dinja sal-ġurnata tal-lum. Preżentement, ir-relikwi huma miżmuma f’sarkofagu tripplu ta’ valur artistiku u ekonomiku inestimabbli.
Meta żgħar il-Katidral ta’ Kolonja biex iqim dawn ir-relikwi nhar it-18 ta’ Awwissu 2005 bħala parti mill-avvenimenti tal-Jum Dinji taż-Żgħażagħ, il-Papa Benedittu XVI qal hekk:
Mingħajr is-Slaten Maġi, li tant ħallew marka fuq l-istorja, il-kultura u l-fidi ta’ Kolonja, il-belt ma kinetx tkun dik li hi. F’ċertu sens, hawnhekk il-Knisja tiċċelebra s-sena kollha l-festa tal-Epifanija…
Żgħażagħ mid-dinja kollha, bħalissa qegħdin hawn bħala rappreżentanti ta’ dawk il-popli mbiegħda li għarfu lil Kristu permezz tal-Maġi u li nagħqdu fil-Poplu l-ġdid ta’ Alla, il-Knisja, li tiġbor fiha rġiel u nisa ta’ kull kultura. F’idejkom, għeżież żgħażagħ, hi l-ħidma li tgħixu n-nifs universali tal-Knisja. Ħallu lilkom infuskom titkebbsu min-nar tal-Ispirtu, biex b’hekk fostna tkun tista’ sseħħ Pentekoste ġdida u tiġġedded il-Knisja. Permezz tagħkom, dawk tamparkom minn kull parti tad-dinja jaslu li jagħrfu fi Kristu t-tweġiba għall-istennija tagħhom u jinfetħu biex jilqgħuh, il-Verb inkarnat, li miet u rxoxtna, sabiex Alla jkun fostna u jagħtina l-verità, l-imħabba u l-ferħ li għalihom ilkoll nixxenqu.
Benedittu XVI, Diskors fil-Katidral ta’ Kolonja, 18 ta’ Awwissu 2005
Il-vjaġġ tal-Maġi u s-sejba tas-Sultan imwiegħed huma rifless tal-mixja spiritwali li tiftaħna kemm għar-realtà ta’ Alla li jsir wieħed minna u kif ukoll tal-universalità ta’ din l-aħbar tajba. Lest li tafda lill-Mulej li jrid jieħdok fuq vjaġġ li jiftħek għar-realtà sħiħa, jew tippreferi ma tħarisx lejn is-sema biex ma tilmaħx il-kwiekeb li jistgħu jħarbtulek il-kumdità ta’ ħajtek għax iqabbduk vjaġġ ta’ tfixxija għall-verità, l-imħabba u l-ferħ veru?