Ix-xewqa li nilħqu s-sema
L-Ewwel Riflessjoni dwar il-pittura tal-Madonna tal-Avjazzjoni ta’ Emvin Cremona
L-istaġun tas-sajf iġib miegħu ħafna safar u vaganzi iktar mis-soltu. U, għalina li ngħammru fi gżira, fil-maġġoranza tal-każi dan ifisser li f’xi ħin jew ieħor se nirkbu ajruplan. Għaldaqstant ħsibna li għal dan iż-żmien inpoġġu għall-kontemplazzjoni tagħna l-pittura tal-Madonna tal-Avjazzjoni, xogħol l-artist ċelebri Emvin Cremona (1919-1987).
Oriġinarjament, din il-pittura saret għall-ajruport l-antik fl-1965 u damet fl-ajruport l-antik sal-1992 meta ġiet ittrasferita għat-terminal il-ġdid. Illum din il-pittura tifforma parti mill-Kollezzjoni fl-Mużew Nazzjonali tal-Arti tal-Komunità MUŻA, taħt ir-responsabbiltà ta’ Heritage Malta.
Ix-xbieha tirrappreżenta l-Madonna bil-Bambin f’idejha bħala figuri pjuttost etereali—l-iktar fil-parti t’isfel fejn, għax-xejn għax-xejn, jisparixxu r-riġlejn u jitfaċċaw tliet puttini—u fuq sfond li jkanġi anke fi lbieshom fuq skala kaħla smewwija u l-abjad tad-dawl u d-dija. Il-ħarsa tal-Madonna hija kemmxejn mixħuta ’l isfel, filwaqt li l-Bambin qed iħares dritt b’rasu mdawra lejn ix-xellug tat-tila, bħal donnu qed iħares lejn xi ħaġa bi drittu—forsi allużjoni għall-bniedem li, b’dan il-mezz ta’ trasport, irnexxielu jilħaq is-sema.
Din ix-xewqa tal-bniedem li jtir u jilħaq is-sema hija tant qawwija anke fil-kulturi tal-qedem, bħalma naraw pereżempju fil-leġġenda ta’ Daedalus u Icharus li, biex jaħarbu mill-ħabs, jagħmlu ġwienaħ magħmulin minn rix, ħjut, drappijiet u xemgħa tan-naħal—ġrajja li tispiċċa b’mod traġiku għax Icharus ma jsegwix l-istruzzjonijiet ta’ missieru.
Forsi nistgħu ngħidu li l-bniedem jgħir b’mod istintiv għat-tjur tal-ajru minħabba f’din ix-xewqa li jilħaq is-sema. Mentri, Ġesù jistqarr:
Żewġ għasafar tal-bejt mhux b’ħabba jinbiegħu? U b’danakollu anqas wieħed minnhom ma jaqa’ fl-art mingħajr ir-rieda ta’ missierkom. Intom imbagħad sa x-xagħar ta’ raskom kollu hu magħdud. Mela xejn la tibżgħu; intom aqwa minn ħafna għasafar tal-bejt.
Mattew 10, 29-31
Il-bniedem hu aqwa mit-tjur tal-ajru. Is-sema qiegħda minquxa fih meta ġie maħluq xbieha ta’ Alla. U t-triq lejn dan is-sema li safa’ msakkar għalina minħabba fid-dnub issa ġiet mill-ġdid miftuħa permezz ta’ Dak li mill-ogħla smewwiet niżel fi ħdan ix-xebba Marija. U allura nistgħu ngħidu li, minkejja l-gravità li torbotna mal-art, ruħna diġà tista’ ttir u timraħ lejn dak li hu ’l fuq mis-smewwiet u li fih tinsab il-milja tagħna.
Minn xiex hi mmotivata l-aspirazzjoni tiegħek li tilħaq is-sema? Mill-kburija tal-poplu ta’ Babel li ried jaħfen is-sema b’idejh mhux bħala don imma bħala priża (ara Ġen 11, 1-9)? Jew mix-xewqa ġenwina għall-għaqda mat-traxxendentali, bħas-sellum wieqaf fl-art bil-quċċata tiegħu fis-sema u bl-anġli telgħin u niżlin miegħu li ra f’ħolma Ġakobb f’Betel li magħha ġiebet it-tiġdid tal-fedeltà ta’ Alla lejn il-wegħda tiegħu ma’ Abraham (ara Ġen 28, 10-22)?
Ritratt b’korteżija ta’ MUŻA – Heritage Malta