Ħuti għeżież, nitlobkom biex bħala barranin u għorba tiċċaħħdu mix-xewqat tal-ġisem li jitqabdu kontra r-ruħ.
1 Pietru 2, 11
Bħal kull xena oħra li nsibu tal-laqgħa mad-dixxipli ta’ Għemmaws, id-dehra ta’ Ġesù hija xi ftit jew wisq mibdula, mhux tas-soltu, ma tintagħrafx. Hawnhekk hu liebes ta’ pellegrin u l-pjagi huma mistura, ma jidhrux. Mhux ta’ b’xejn li ma setgħux jagħrfuh. Imma kif naqraw fl-Ittra Appostolika ta’ San Ġwanni Pawlu II, bil-bjuda tiegħu:
Qalb id-dellijiet tal-ġurnata u d-dlamijiet li dellew l-ispirtu tagħhom, dak li kien qed jivvjaġġa magħhom ġabilhom raġġ ta’ dawl li reġa’ qawwa t-tama ta’ ġo fihom u mexxa l-qalb tagħhom sabiex tkun tixxennaq għall-milja tad-dawl. “Ibqa’ magħna,” talbuh. U hu qabel magħhom. Ftit wara, il-wiċċ ta’ Ġesù kien sa jisparixxi, imma l-Imgħallem kien sa “jibqa’” magħhom, moħbi fil-“qsim tal-ħobż” li fetħilhom lil għajnejhom biex jagħarfuh.
Mane nobiscum, Domine, par. 1
Anke meta l-preżenza tal-Mulej ma tkunx daqshekk ċara, tibqa’ tagħraf bit-tama li l-ħajja mhijiex vjaġġ fil-vojt imma pellegrinaġġ li jwassal għal-laqgħa mal-Mulej Irxoxt?