Marija li toffri ’l Binha għall-Adorazzjoni
L-Ewwel Riflessjoni dwar l-Arazz tal-Adorazzjoni tal-Maġi
Ejja mela, avukata tagħna; dawwar lejna dawk l-għajnejn tiegħek tal-ħniena. Urina, wara dan it-turufnament, lil Ġesù frott imbierek tal-ġuf tiegħek, o ħanina, o pija, o ħelwa, Verġni Marija.
Salve Regina
Bħalma l-ottava tal-Milied tagħlaq bis-Solennità tal-Imqaddsa Verġni Marija Omm Alla, u waqt li nistennew iċ-ċelebrazzjoni tal-Epifanija, hekk ukoll, f’din it-taqsima li tħares lejn l-arti bħala tieqa fuq l-ineffabbli, se npoġġu għar-riflessjoni tagħna l-arazz tal-Kon-Katidral ta’ San Ġwann li jirrappreżenta l-Adorazzjoni tal-Maġi. Imma l-ewwel riflessjoni tagħna ser tkun iffukata proprju fuq iċ-ċentru tax-xena, jiġifieri Ġesù miżmum minn Marija.
Filwaqt li Ġesù huwa miżmum bilwieqfa—u allura naraw li m’għadux tarbija tat-twelid imma beda jikber u jiżviluppa l-ħiliet umani bażiċi—Marija bħal donnha qed toffrih għall-adorazzjoni ta’ dawk kollha li ġew jarawh—il-Maġi u l-paġġi tagħhom f’din ix-xena partikolari. Sa minn dan il-mument hekk bikri fil-ħajja ta’ Ġesù, Marija diġà tibda ġġarrab il-firda minn Binha li ħabbrilha Xmun fit-tempju u li ġġarrab taħt is-Salib ftit mumenti qabel il-mewt tiegħu meta, fil-ħin meta kienet tilfet kull possibbiltà li tipproteġih, floku jafdalha lill-ulied kollha ta’ Alla bħala wliedha. U din hi l-missjoni eterna ta’ Marija, jiġifieri li tkun Omm dawk kollha li jistqarru t-twemmin f’Binha u fl-istess waqt toffrihulna biex nadurawh, tippuntalna lejh biex inqimuh.
Xi ftit jew wisq, din is-sejħa ta’ Marija hija wkoll is-sejħa ta’ kull Nisrani li jilqa’ l-piż veru tal-kliem ta’ Ġesù: “Dawn, ara, huma ommi u ħuti. Kull min jagħmel ir-rieda ta’ Alla, dak huwa ħija, u oħti, u ommi” (Mk 3, 34-35). Jeħtieġ li l-ħajja tiegħek tiġi magħġuna minn din il-qagħda Marjana, jiġifieri li ma żżommx lil Kristu għalik biss imma toffrih lill-oħrajn biex bħalek huma wkoll jadurawk. Tinkwetax! Marija Ommu tinsab miegħek. Jonqos biss li inti tissieħeb magħha waqt li titkennen taħt il-mant wenniesi tagħha.