Qamħ u Għeneb
Ir-Raba’ Riflessjoni – Kappella tas-Sagrament tal-Bażilika ta’ Marija Bambina, l-Isla
Inti tnibbet il-ħdura għall-bhejjem,
u l-ħxejjex li bihom jinqeda l-bniedem,
biex joħroġ il-ħobż mill-art,
inbid li jferraħ qalb il-bniedem,
żejt li jsebbħilhom wiċċhom,
u ħobż li jsaħħilhom qalbhom.
Salm 104, 14-15
Barra l-figuri ta’ Kristu u ż-żewġ anġli fl-apsidi, hemm erba’ pitturi oħra ta’ anġli fil-pendenti ta’ taħt il-koppletta tal-Kappella tas-Sagrament tal-Bażilika Sengleana. Wieħed minn dawn l-anġli għandu f’idejh għanqud għeneb u ftit żbul tal-qamħ.
L-ewwel nett, il-possibbiltà tal-kultivazzjoni tal-għelieqi tal-qamħ u d-dwieli turi l-istabbiltà ta’ soċjetà li qiegħda f’artha u tista’ taħdimha u taħsad frottha. Huwa minn dan il-ħsad frott tal-art li ħidmet il-bniedem tħejji l-offerta għas-sagrifiċċju Ewkaristiku: il-ħobż u l-inbid.
Dwar il-ħobż u l-inbid, il-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika jgħid hekk:
Fi żmien il-Patt il-Qadim, kienu joffru b’sagrifiċċju l-ħobż u l-inbid mal-ewwel frott tal-art, b’sinjal ta’ radd il-ħajr lill-Ħallieq. Iżda l-ħobż u l-inbid kisbu wkoll tifsir ġdid bl-Eżodu: il-ħobż bla ħmira, il-ħobż ażżmu li l-Lhud jieklu kull sena fl-Għid, ifakkar il-ħeffa li biha ħarġu ħielsa mill-Eġittu; it-tifkira tal-manna fid-deżert bla heda tfakkar lil Iżrael li għandu jgħix bil-ħobż tal-Kelma ta’ Alla (ara Dewt 8, 3). Fl-aħħar nett il-ħobż ta’ kuljum hu l-frott tal-Art Imwiegħda, rahan tal-fedeltà ta’ Alla għall-wegħdiet tiegħu. “Il-kalċi mbierek” (1 Kor 10, 16) fi tmiem l-ikla tal-Għid tal-Lhud, mal-ferħ li jagħti l-inbid fil-festi, iżid dimensjoni eskatoloġika, jiġifieri hu tħabbira tal-miġja tal-Messija u t-twaqqif mill-ġdid ta’ Ġerusalemm. Ġesù waqqaf l-Ewkaristija tiegħu, billi ta tifsir ġdid u għal dejjem lill-barka tal-ħobż u tal-kalċi bl-inbid.
Katekiżmu tal-Knisja Kattolika, par. 1334
Bħalma l-għeneb u l-qamħ jinsaħqu sabiex minnhom isir l-inbid u d-dqiq għall-ħobż, agħraf mill-ġdid li fl-Ewkaristija hemm il-ġisem tal-Mulej misħuq għalik fuq is-salib sabiex minnu joħroġ il-frott tal-fidwa.