Ripentimento: Konverżjoni jew Biża’?
L-Ewwel Riflessjoni dwar tad-Depożizzjoni ta’ Kristu fil-Knisja ta’ Lapsi, San Ġiljan
Waħda mill-pitturi li jisirqulek l-attenzjoni fil-Knisja Parrokkjali l-qadima ta’ San Ġiljan, magħrufa bħala ta’ Lapsi, hija bla dubju dik tad-Depożizzjoni ta’ Kristu, jiġifieri tat-tniżżel ta’ Ġesù mejjet minn fuq is-salib. Għalkemm jidher li Mattia Preti pitter dan is-suġġett għall-ewwel darba f’opra li tinsab fl-Italja f’idejn il-Fondazzjoni De Vito, f’Malta nsibu kopji tagħha fis-sagristija tal-Katidral tal-Imdina u fis-sagristija tal-Bażilika tal-Mosta. Però l-pittura li nsibu fil-Knisja ta’ Lapsi, San Ġiljan, u wkoll verżjonijiet tal-istess suġġett li nsibu f’Ħal Lija u Bormla, jidher li huma xogħol tal-bottega tiegħu u l-oriġinal ta’ Mattia Preti hu meqjus mitluf. Insibu wkoll pittura tal-istess suġġett imma fuq stil għal kollox differenti fil-Knisja ta’ San Bonaventura f’Lyon, Franza.
Hemm element partikolari fil-pittura li nsibu fil-Knisja ta’ Lapsi li jagħtina x’nifhmu li, jekk mhijiex l-oriġinali, imma żgur hija l-ewwel kopja. U dan għaliex, waqt il-proċess ta’ restawr u konservazzjoni li sar ftit tas-snin ilu, fl-isfond tan-naħa tax-xellug tal-pittura nkixef dak li b’mod tekniku jissejjaħ pentimento, jiġifieri xi ħaġa li tpittret qabel u li ġiet mgħottija b’saff jew saffi ta’ żebgħa. F’dan il-każ, jidher li l-artist kien se jpitter wiċċ jew figura oħra, imma bidel fehmtu.
Ir-raġuni eżatta ta’ dan il-bdil fil-ħsieb hija mistura flimkien mal-identità tal-id li għamlitha, imma b’xi mod dan ir-ripentimento tant idoqq tajjeb maż-żmien tar-Randan li fih ninsabu. Litteralment, ripentimento tfisser indiema bit-Taljan, bħal donnu l-artist iddispjaċih b’xi ħaġa u għattieha. Fil-proċess ta’ ndiema u konverżjoni hemm dan is-sens ta’ sforz biex l-affarijiet jinbidlu, il-passat jintesa, u dak li ġara jintilef fl-isfond tal-ħajja sabiex inħarsu biss ’il quddiem.
Madankollu, realistikament, anke jekk nippruvaw nordmu ħtijietna jew ninsewhom, hemmhekk jibqgħu, u jkunu bħal grande fratello jew big brother li jibqgħu jħarsu lejna u jakkużawna. L-indiema u l-konverżjoni tassew Nisranija, mill-banda l-oħra, toffri l-passat tagħha lill-Mulej u fl-istess waqt tħaddnu bħala parti mill-ġrajja ta’ dak li għamel Alla magħna sabiex xorta waħda jkabbarna minkejja kollox.
Kif tħares lejn l-indiema u l-konverżjoni? B’biża’, bħal donnu hemm għajn fis-sema għassa għalik u lesta biex tikkastigak? Jew bħala parti minn proċess li jrid iwassal għar-radd il-ħajr lil Alla li qatt ma jaqta’ qalbu minna jew jiddispjaċih li ħalaqna?