It-Tieni Riflessjoni – Kappella tas-Sagrament tal-Bażilika ta’ Marija Bambina, l-Isla
Dak in-nhar filgħaxija, fl-ewwel jum tal-ġimgħa, meta d-dixxipli kienu flimkien imbeżżgħa mil-Lhud, bil-bibien magħluqa, ġie Ġesù u qagħad f’nofshom; u qalilhom: “Is-sliem għalikom!” Kif qal hekk, uriehom idejh u ġenbu. Id-dixxipli ferħu meta raw lill-Mulej. Imbagħad Ġesù tenna jgħidilhom: “Is-sliem għalikom! Kif il-Missier bagħat lili, hekk jien nibgħat lilkom.” Kif qal hekk, nefaħ fuqhom u qalilhom: “Ħudu l-Ispirtu s-Santu.”
Ġwanni 20, 19-22
Fil-felli tan-nofs tal-apsidi nsibu l-figura ta’ Kristu b’ħamiema—xbieha tal-Ispirtu s-Santu—fuq rasu, u b’żewġ puttini ħdejn saqajh, wieħed kull naħa, iżommu ktieb miftuħ f’idejhom. Hija xbieha ta’ Kristu rxuxtat b’ġisem glorjuż imma fl-istess waqt li għadu jġorr il-pjagi. Idejh huma miftuħa sabiex jilqa’ lil kull min jersaq lejh f’dan il-post fejn hemm il-preżenza reali tiegħu. Hemmhekk il-bniedem jista’ jersaq sabiex jikxef quddiem il-Mulej il-ġrieħi tiegħu ħalli jiġu mdawla mill-pjagi ta’ Ġesù. U, bħalma nefaħ l-Ispirtu s-Santu fuq l-Appostli, hekk ukoll ixerred l-istess Spirtu fuq kull min jersaq lejh sabiex jikseb saħħa ġdida meta jiġi biex jaffaċċja l-ħajja u jikseb qawwa mġedda biex kullimkien jagħti xhieda tal-Mulej ħaj.
Bil-ħarsa fuq dawk id-dirgħajn miftuħa, ħalli lil Ġesù jħaddnek miegħu u jimliek bil-faraġ tal-preżenza tiegħu.