F’din ix-xena tal-iskola ta’ Preti, fuq in-naħa opposta ta’ Ġużeppi minn Arimatija, insibu lil Marija, Omm Ġesù, akkumpanjata minn Marija ta’ Magdala u nisa oħra—forsi wkoll mid-dixxplu l-maħbub li nagħrfuh fil-wiċċ żagħżugħ bi ftit biss leħja nofsu mgħotti mill-katavru ta’ Kristu. Fil-figura ta’ Marija Addolorata tant għal qalbna l-Maltin, l-artist jagħmel sintesi ta’ dak li nsibu f’Ġwanni 19, 25—“Kien hemm wieqfa ħdejn is-salib ta’ Ġesù ommu, oħt ommu, Marija ta’ Kleofa, u Marija ta’ Magdala”—u dak li l-Liturġija tgħanni fis-sekwenza tat-tifkira ta’ Marija Addolorata fl-ewwel strofa:
Wieqfa kienet, imbikkija,
l-Omm ħdejn Binha
fit-tbatija, fuq salib imdendel.
Stabat Mater Dolorosa
U, fit-tmien strofa:
Rat lil Binha u baqgħet miegħu
f’dak l-imrar tal-mewta tiegħu
waqt li ħarġet ruħu.
Stabat Mater Dolorosa
Il-ħarsa ta’ Marija fija ffissata fuq il-wiċċ sfigurata ta’ Binha, waqt li naraw iġġelben demgħa fuq ħaddha tax-xellug. Anke l-figura tagħha hija pjuttost żagħżugħa u mimlija saħħa. U forsi hija din id-determinazzjoni u s-sodezza tagħha quddiem it-tbatija, hekk li la taħrab u lanqas tipprova tordom l-uġigħ daqslikieku mhu jiġri xejn, li tiġbed daqstant is-simpatija fid-devozzjoni popolari tagħna. Ilkoll nixtiequ omm bħalha li takkumpanjana aħna u nġorru s-slaleb tagħna u nissalbu magħhom kultant sal-mewt. Għalhekk, f’dawn il-jiem fejn mill-konverżjoni qajla qajla l-ħarsa ddur iktar fuq il-passjoni tal-Mulej, nitolbu lil Marija tkun maġenbna fis-sigħat tal-prova tagħna billi ntennulha:
Omm qaddisa, isma’ talbi:
dawk il-pjagi qegħedli f’qalbi
t’Ibnek Ġesù msallab.
Stabat Mater Dolorosa
Hekk biss it-tbatija li nġarrbu ma tintilifx jew tinħela, imma ssib skop u tagħraf tifsira ogħla.