Fil-Malti għandna traxxixa ta’ kliem ġej mill-Biżantin Grieg, li mbagħad mill-Isqalli wasal għandna. Fosthom għandna l-kelma ‘pastaż’, wieħed li jġorr, mill-Grieg bastażein, ġarr, qandel. Għandna wkoll il-kelma ‘Lapsi’. Aktarx li dan l-isem tal-festa tat-Tlugħ fis-Sema ta’ Ġesù ġej mill-kelma Griega għal ‘teħid’ (ʼil fuq, fis-sema) (ana-)lēmpsis, li mbagħad ġiet Lapsi.
Ir-rakkont tat-tlugħ ta’ Ġesù fil-glorja tal-Missier insibuh biss f’Mark 16:19, f’Luqa 24:51 u f’Atti 1:9. Jintużaw verbi differenti: f’Mark, anelēmfṭē (minn analambánein = ħa ʼl fuq); f’Luqa aneféreto (minn anaférein = ġarr ʼil fuq); fl-Atti, epērṭē (minn epaírein = tella’ ʼl fuq). L-idea hi li l-bnedmin iqisu li Alla jinsab ʼil fuq fis-sema, u allura li Ġesù jittieħed ʼil fuq insibuha fit-tliet każi.
Imma waqt li f’Luqa, donnu li t-tlugħ fis-sema sar dak in-nhar tal-qawmien (ara Luqa 24:13.33.36.50), fl-Atti seħħ erbgħin jum wara, tant li Luqa jikteb: “f’erbgħin jum rawh kemm-il darba” (1:3). Id-dehriet lil Appostli u dixxipli differenti juru li Ġesù ried jiġbor xhieda uffiċjali tal-qawmien tiegħu: ħafna rawh mejjet fuq is-salib, oħrajn rawh jiġi mqiegħed fil-qabar u issa hu jidher lil Marija ta’ Magdala, liż-żewġ dixxipli ta’ Għemmaws, lil Pietru, lit-Tnax, lil aktar minn ħames mitt aħwa flimkien, lil Ġakbu (kap tal-Knisja ta’ Ġerusalemm); mhux inqas lil Sawl innifsu fit-Triq ta’ Damasku (ara 1 Kor 15:5-8). B’hekk seta’ jkun hemm xhieda għall-mewt, il-qawmien u t-tlugħ fis-sema tiegħu