Monthly Archives: July 2023

Meta l-ilma jkun tant sħun li tkun se tobżqu …

Minħabba li qabżitli ġej u sejjer bil-fliexken tal-plastik, għamilt għażla iktar sostenibbli għall-ambjent u xtrajt filter tal-ilma f’forma ta’ buqar. Xejn xejn, iffrankajt ukoll li rrid nixtri u nqandel il-pakketti tal-ilma sew mill-ħanut sal-karozza u kif ukoll mill-karozza għall-appartament li jinsab fit-tieni sular u li l-aċċess għalih hu biss bit-taraġ!

Imma ħej, filwaqt li fix-xitwa din kienet soluzzjoni mill-iktar feliċi, fis-sajf mhux dejjem qed tkun idea ġenjali. Filwaqt li, fortunatament, ma jkunx daqshekk jaħraq hekk li nista’ nagħmel il-kafè bih flok ngħalli l-kitla, xi minn daqqiet nispiċċa nimla l-filter b’ilma li ma tantx ikun frisk imma jkun sħun minħabba li l-pajpijiet huma esposti għax-xemx….

Kos, hux! Ma tfakkrekx f’żewġ versi li nsibu fil-Ktieb tal-Apokalissi:

“Jiena naf l-opri tiegħek, u naf li la inti kiesaħ u lanqas sħun. Mhux li kont jew kiesaħ jew sħun! U hekk, ladarba inti biered, u la sħun u lanqas kiesaħ, jiena sa nobżqok minn ġo ħalqi.”

Apokalissi 3, 15-16

U veru, hekk ikollok aptit tagħmel. L-istess meta ġieli tkun bil-għatx u jkollok tixrob minn flixkun li tkun insejtu fil-karozza li kienet ipparkjata fix-xema!

Imma dawn il-versi mhumiex sempliċiment xi tixbiha jew metafora għax jiddeskrivu s-sitwazzjoni konkreta tal-belt ta’ Laodiċija f’dak iż-żmien. Għalkemm kienet għanja bil-bosta—hekk sinjura li, meta l-belt inqerdet b’terrimot, kienet f’pożizzjoni finanzjarja tant tajba li rrifjutat l-għajnuna imperjali—din il-belt ma kellhiex sors naturali tal-ilma imma kien jinġieb minn banda oħra. U, tant kien jinġieb mill-bogħod, li l-ilma kien isir fietel u kważi titqażżeż tixorbu. Dan kien jikkuntrasta bil-kbir mal-għejun termali li kellha l-belt ta’ Hierapolis li bis-sħana tagħhom kienu jagħtu l-fejqan, jew l-għejun ta’ ilma ġieri u nadif tal-belt ta’ Kolossi li jagħtu l-ħajja, it-tnejn qrib Laodiċija.

Għaldaqstant, il-kelma ta’ Kristu, tal-“Ammen, ix-Xhud fidil u veru,” li “minnu l-bidu tal-Ħolqien ta’ Alla” (Apok 3, 14) issir iktar qawwija: jekk il-kliem, l-imġiba, l-attenzjoni u s-sensittività tagħna fil-Knisja u lejn kulħadd la ġġib il-fejqan tal-ilma jaħraq u lanqas ittaffi ftit min-nixfa tal-ħajja bla skop li ħafna jsibu ruħhom jgħixu fiha, allura se niġu mibżuqa ’l barra għax inkunu qed ngħixu ta’ Nsara medjokri, bierda, li forsi ma jagħmlu xejn ħażin imma lanqas jagħmlu t-tajjeb li għandhom jagħmlu …

Illum Laodiċija m’għadx għandha problema għax ġiet meqruda u abbandunata fis-seklu tlettax, u jiena wkoll nista’ nkun ftit iktar prattiku li npoġġi l-ilma fil-friġġ. Imma t-taqbida li ma nibirdux aħna tibqa’ hemm u ma nistgħux insolvuha għajr li nagħtu widen għall-aħħar twissija li Kristu jagħti lill-Insara tal-Laodiċija u lilna:

“Ara, jiena fil-bieb, u qiegħed inħabbat; jekk xi ħadd jismagħni u jiftaħli l-bieb, jiena nidħol għandu u niekol miegħu, u hu jiekol miegħi.”

Apokalissi 3, 20

Is-skiet sottili tal-iljieli sajfin?!

It-3.00 a.m. Erġajt stenbaħt minħabba fis-sħana tikwi li tħoss idejha jduru ma’ għonqok bħal morsa sabiex jifgawk … Is-sajf: m’hemmx x’tagħmel! Qomt mis-sodda u, bit-tama li forsi nħoss imqar daqsxejn żiffa ħelwa ħalli nistaħja, ftaħt it-tieqa tal-kamra tal-banju bit-tama li tidħol fewga ċkejkna ta’ arja ftit iktar friska li f’dit-temperatura tad-deżert u d-dlam tal-lejl bħal donnha tkun sinjal tal-preżenza ta’ Alla, kif ġarrab Elija fuq il-Ħoreb wara n-nar. Imma xejn! Sħana donnha tiela’ mill-qigħan ta’ nar l-infern, u lanqas ċaqlieqa … xejn għajr skiet il-lejl. U madankollu Alla hemmhekk kien u hawnhekk hu.

Fit-traduzzjoni bil-Malti ta’ dan ir-rakkont, insibu li, wara li mexa bla heda għal erbgħin jum u erbgħin lejl sakemm wasal fuq il-muntanja tal-Mulej, Elija m’għarafx il-preżenza ta’ Alla fir-riħ qawwi, fit-theżżiż, jew fin-nar, imma fiż-“żiffa ħelwa” hekk li, “kif ħassha, għatta wiċċu bil-mantell, ħareġ barra, u waqaf f’bieb l-għar” (1 Slat 19, 12-13). Interessanti ħafna l-frażi li l-awtur tal-Ewwel Ktieb tas-Slaten juża biex jesprimi dak li esperjenza Elija fil-laqgħa ‘wiċċ imb wiċċ’ mal-Mulej: qol demamah daqqah. It-traduzzjonijiet huma varji. Saydon juża l-espressjoni “żiffa ħafifa,” li prattikament tfisser l-istess bħat-traduzzjoni tal-Għaqda Biblika. Bl-Ingliż, il-Jerusalem Bible tuża “a light murmuring sound,” filwaqt li n-New Revised Standard Version tuża “a sound of sheer silence,” u l-verżjoni tal-Konferenza Episkopali Taljana tuża “il sussurro di una brezza leggera.”

Minkejja dawn il-varjazzjonijiet varji, jekk ikollna nagħmlu traduzzjoni litterali, il-Kardinal Gianfranco Ravasi jipproponi “una voce di silenzio sottile”—leħen is-skiet sottili. Prattikament hija frażi li qajla tagħmel sens, bħalma sħanet is-sajf insibuha bla sens. U bla sens ukoll li titkellem dwar is-skiet bil-lejl bil-ħsejjes ma jaqtgħux tal-istabbilimenti, il-baned u n-nar, ġimgħa wara l-oħra. Imma jekk nifhmu l-poeżija ta’ din il-frażi, imbagħad nifhmu kif proprju dan il-mument tas-skiet mill-iktar radikali—hekk radikali li l-vojt idamdam isir preżenza—kien għal Elija l-esperjenza per eċċellenza ta’ dak Alla li kien profeta tiegħu …

Għalaqt it-tieqa u ħassejt lil dak is-skiet igeżwirni u jħarisni flok jissoffokani, u bla sforz erġajt intlift fid-dinja tal-ħolm mill-ġdid … ħolm ta’ postijiet iktar friski … ħolm li jżomm imkebbsa l-fjamma tal-ħeġġa għal Alla kemm fl-iljieli mudlama u kif ukoll fin-nixfa tad-deżert tal-għada filgħodu u tal-kuljum tagħna li fih, qalb l-istorbju, qalbna trid tibqa’ tishar, tistenna li tisma’ s-skiet u tifhem li Hu ġie jiltaqa’ magħha mill-ġdid.