Monthly Archives: October 2023

Il-Messaġġ ta’ f’Fatima

It-13 ta’ Ottubru huwa l-anniversarju tal-aħħar dehra ta’ Ommna Marija lil tliet itfal fir-raħal żgħir ta’ Fatima, il-Portugal fl-1917. Hija dehret sitt darbiet bejn it-13 ta’ Mejju u 13 ta’ Ottubru tal-1917. L-istorja f’Fatima bdiet sena qabel meta, fid-dawl ta’ dak li kien qed jiġri, jiġifieri l-Ewwel Gwerra Dinjija, l-Ewropa kienet għaddejja minn diversi tbatijiet. L-Anġlu tal-Paċi ħeġġiġhom jitolbu bla ma jaqtgħu għall-konverżjoni tal-midinbin.

Imbagħad, fit-13 ta’ Mejju 1917, it-tliet rgħajja esperjenzaw id-dehra ta’ mara liebsa l-abjad, ta’ bjuda aktar qawwija mix-xemx. Din il-mara kienet liebsa mantell abjad u f’idha kellha kuruna tar-rużarju. Hija talbithom biex jitolbu u jkunu devoti tat-Trinità Qaddisa u biex jitolbu r-Rużarju kull jum, biex iġibu l-paċi fid-dinja u t-tmiem tal-gwerra. Fl-aħħar apparizzjoni, din il-mara rrivelat lilha nfisha billi qalet: “Jien il-Madonna tar-Rużarju.” Dakinhar stess, madwar 70,000 persuna marru biex ikunu xhieda ta’ din id-dehra. Sas-sena 1930, l-Isqof tal-post approva l-apparizzjonijiet biex hekk ġew rikonoxxuti mill-Knisja bħala awtentiċi.

X’inhu l-messaġġ ewlieni f’Fatima? Mhuwiex differenti minn dak li l-Knisja dejjem għallmet: “eżortazzjoni għat-talb bħala triq tas-salvazzjoni tal-erwieħ, u sejħa għal penitenza u konverżjoni,” kif osserva l-Papa Benedittu XVI waqt l-Udjenza Ġenerali tad-19 ta’ Mejju 2010. L-iżjed sejħa famuża kienet id-dikjarazzjoni li l-qalb ta’ Marija ħa tirbaħ. Meta kien għadu Prefett tal-Kongregazzjoni tad-Duttrina tal-Fidi, fl-2000 stqarr hekk:

Il-Qalb miftuħa għal Alla, ippurifikata bil-kontemplazzjoni ta’ Alla, hija aqwa mill-armi ta’ kull tip. L-Iva ta’ Marija, il-kelma ta’ qalbha, biddlet l-istorja tad-dinja, għax ġabet fid-dinja lis-Salvatur … Imma minn meta Alla nnifsu ħa qalb umana u hekk dawwar il-libertà tal-bnedmin lejn dak li hu tajjeb, il-libertà li nagħżlu l-ħażin m’għadx għandha l-aħħar kelma.”

Kongregazzjoni tad-Duttrina tal-Fidi, Il-Messaġġ ta’ Fatima (2000)

Il-messaġġ ta’ Marija f’Fatima jindika li, minkejja fid-dinja nistgħu nesperjenzaw tbatijiet, għandna nagħmlu l-qalb għax Ġesù stess rebaħ id-dinja (ara Ġw 16, 33)!

Fl-aħħar nett, f’waħda mill-istrofi tal-Kurunella tal-Madonna ta’ Fatima, insibu miktub bi kliem poetiku tant sabiħ: “Biex lilek ġieħ nagħtu, o xebba, Omm, Sidtna, li ngħidu r-Rużarju kuljum inti ridtna.” Tajjeb li nieħdu dan il-kmand, u nimxu id f’id ma’ Marija, Omm Ġesù!