It-Tnejn u Għoxrin Ħadd ta’ Matul is-Sena

27/08/21

 

O Alla tal-eżerċti, kulma hu l-aħjar ġej kollu minnek: nissel fi qlubna l-imħabba lejn ismek, u agħtina li, bit-taħriġ reliġjuż tagħna, tmexxi ’l quddiem dak li hu tajjeb fina u tħarishulna bit-tħabrik tagħna bla heda. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li hu Alla u miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, għal dejjem ta’ dejjem.

Ammen.

Il-Kolletta tat-Tnejn u Għoxrin Ħadd ta’ Matul is-Sena

Nota: Alla (jew Mulej) tal-eżerċti huwa wieħed mill-ismijiet proprji li jintużaw għal Alla fit-Testment il-Qadim, mill-Ewwel Ktieb ta’ Samwel ’il quddiem. Għalkemm ġieli jintuża f’kuntest militari, huwa isem li jintuża wkoll b’mod indipendenti biex ifisser is-setgħa u l-qawwa ta’ Alla. Barra għal armata ta’ suldati, jista’ jkun li l-eżerċti huma referenza għall-qtajja’ tal-anġli jew ukoll għat-tagħmir tas-smewwiet (ix-xemx, il-qamar u l-kwiekeb).

Ukoll jekk fil-kolletta tal-lum bil-Latin tintuża kelma oħra (virtutum) li tfisser is-setgħa ta’ Alla, hemm post ieħor fejn il-liturġija ssejjaħ lil Alla b’dan l-isem. Fit-talba tal-Qaddis, Qaddis, Qaddis, il-liturġija tikkwota direttament lill-Profeta Isaija (6, 3) u ssejjaħ lil Alla bħala “Mulej, Alla tal-eżerċti”—Dóminus Deus Sábaoth. Hawn il-Knisja prattikament iżżomm il-kelma oriġinali bl-Ebrajk mingħajr ma tittraduċiha, imma biss tagħtiha laqta Latina.

Innijiet għal-liturġija

Dħul: Magħqudin fehma waħda
Offertorju: Nippreżentawlek Missier Qaddis
Tqarbin: Ma jistħoqqlix Mulejja
Għeluq: Ġejt quddiemek nitlob