It-8 ta’ Jannar hija l-iktar data tard li fiha tista’ tiġi l-Epifanija, hekk li l-Magħmudija tal-Mulej tiġi ċċelebrata t-Tnejn, l-għada, flok il-Ħadd, u f’daqqa waħda nsibu ruħna fiż-Żmien Matul is-Sena bla ċans ta’ xejn biex nikkontemplaw il-misteru ta’ Alla li jirrivela ruħu lid-dinja permezz ta’ Ibnu magħmul bniedem għalina. Huwa veru li l-Ħadd ta’ wara l-Magħmudija jkompli jiżviluppa t-tema tal-Epifanija permezz ta’ siltiet mill-ewwel żewġ kapitlu tal-Evanġelju skotn San Ġwann (ara L-Epifanija fit-Tieġ ta’ Kana), imma xorta waħda nkunu erġajna għall-monotonija (jew il-kalma) tal-lewn liturġiku aħdar.
U, minħabba din l-urġenza biex iddaħħalna mill-ewwel fl-għixien ma’ Kristu tal-missjoni pubblika tiegħu, flok fuq in-narrattiva sħiħa taż-żjara tal-Maġi, ħsiebi weħel fuq l-aħħar vers tal-Evanġelju li jinqara fis-Solennità tal-Epifanija: “Imbagħad, billi kienu mwissijin f’ħolma biex ma jerġgħux imorru għand Erodi, telqu lura lejn arthom minn triq oħra” (Mt 2, 12).
“Telqu lura lejn arthom minn triq oħra.” Hemm l-aspett pragmatiku ta’ din id-deċiżjoni li permezz tagħha Ġużeppi u Marija kellhom żmien biżżejjed biex isorru l-ftit affarijiet li setgħu jġorru magħhom u jaħarbu bit-tarbija Ġesù lejn l-Eġittu—l-art li minnha l-Iżraeliti ħarġu biex setgħu jsiru poplu u jkunu l-poplu ta’ Alla fl-art li Alla wegħidhom li jagħtihom u wassalhom biex jeħduha taħt idejhom.
Imma barra dan l-aspett ta’ loġistika divina, meta nqisu l-urġenza li biha niċċelebraw il-misteru tal-Epifanija, din il-frażi ċkejkna tieħu dimensjoni oħra. L-ewwel nett, “telqu” jfisser li kienu marru xi mkien u esperjenzaw xi ħaġa. “Telqu lura” mill-banda l-oħra tfisser li dak l-imkien li marru fih u l-esperjenza li għamlu la kien il-post tagħhom u lanqas il-ħajja kollha tagħhom, imma kienu destinazzjoni bi vjaġġ ta’ ritorn u esperjenza li timmarkahom imma li ma tankrahomx f’dak il-post imma kien jeħtieġ li jerġgħu lura lejn arthom.
Però ma reġgħux lura lejn arthom mill-istess triq li minna ġew mhux sempliċiment biex iqarrqu b’Erodi wara li kienu mwissija f’ħolma. Fil-Bibbja, li taqbad triq oħra jista’ jkollha konnotazzjonijiet negattivi, b’mod partikolari jekk it-triq l-oħra tkun it-triq tad-diżubbidjenza u r-ribelljoni kontra l-Liġi Mqaddsa ta’ Alla. Imma, bl-istess mod, tfisser ftuħ ta’ opportunità ġdida, triq li teħles mill-periklu u twassal għas-salvazzjoni, triq li twassal qawwi u sħiħ lura f’daru lil min jaqbadha. Pereżempju, meta Ġożwè bagħat l-ispjuni biex jaraw il-belt ta’ Ġeriko ħalli l-poplu, li kien għadu kemm qasam il-Ġordan wara erbgħin sena fid-deżert, ikun jista’ jibda ftit ftit jirbaħ l-art li Alla wiegħdu, dawn l-ispjuni sabu kenn għand Raħab il-prostituta li niżlithom mal-ħajt tal-belt mid-dar tagħha fuq is-sur u bagħtithom minn triq oħra biex ma jinqabdux mis-suldati li marru jfittxuhom (ara Ġak 2, 25).
U għalhekk, hekk kif għadna nibdew din is-sena, iktar milli ħafna proponimenti fiergħa li malajr jinkisru u jintesew, nixtieq inpoġġi din il-mistoqsija għar-riflessjoni tagħna: x’inhi t-triq l-oħra li l-Mulej jixtieqek taqbad lejn artek? Jista’ jkun li hemm triq oħra li l-Mulej jixtieq iqabbdek? Jista’ jkun li t-triq li qbadt fil-ħajja mhijiex se twasslek f’artek tassew—hemmhekk fejn inti tkun tassew f’postok u fejn tista’ tilħaq il-potenzjal tiegħek—imma minflok qed tagħżel li tibqa’ tterraq fid-deżert tal-vojt u n-nuqqas ta’ fidi u fiduċja? X’inhuma l-possibbiltajiet li jinfetħu kuljum quddiemek biex tpoġġi l-Evanġelju fil-prattika? Mhux bilfors huma l-istess toroq tal-bieraħ għax il-ħajja u ċ-ċirkostanzi jinbidlu kuljum u kuljum hi mitluba minna tweġiba ġdida.
Fejn hi artek? Fejn qed tfittex li tkun f’darek, f’postok fil-ħajja? U, fuq kollox, x’se jiġri meta tasal lura f’artek? Għalkemm l-awtur sagru ma jgħidilna xejn, imma żgur li l-laqgħa tagħhom ma’ Ġesù lill-maġi ma ħallithomx l-istess. Xi ħaġa nbidlet. Skoprew xi ħaġa, anzi: iltaqgħu ma’ xi ħadd li għarfuh bħala sultan, sid. U, meta waslu lura, żgur li qasmu dak li għaddew minnu: mhux sempliċiment l-avventuri li għaddew minnhom tul vjaġġ ta’ ħafna ġimgħat, imma x’fissret għalihom l-iskoperta li nstagħab dak is-Sultan ta’ Iżrael li kien it-tama tad-dinja kollha.
F’dan iż-żmien tal-Milied, inti xi skoprejt, x’missek, x’affetwak hekk li hemm possibbiltà li ħajtek intmisset minn imħabba ferm ogħla minnha u li tista’ timlieha għal kollox? Xi ftit jew wisq issa kulħadd reġa’ lura għar-rutina—sab ruħu f’artu, f’daru. X’se ġġorr miegħek? X’se twassal? X’se taqsam? Xi mħabba skoprejt mill-ġdid? Xi tkebbes ħuġġieġa nhar mill-ġdid f’qalbek?